L-awtopsja fuq il-katavru li nstab f’bagoll ta’ karozza f’Ħal Qormi nhar it-Tlieta kkonkludiet li l-vitma inqatel b’diversi daqqiet ta’ sikkina fil-parti ta’ quddiem ta’ sidru.
Ikkonfermat dan il-Pulizija fi stqarrija uffiċjali, l-istess stqarrija li kkonfermat dak li ġie rrappurtat minn ONE News ilbieraħ.
Madankollu minħabba li l-katavru nstab fi stat avvanzat ta’ dekompożizzjoni, il-vittma għadu ma ġiex identifikat u għalhekk l-analiżi forensika għadha għaddejja fejn l-investigaturi qegħdin jistennew ir-riżultat tat-testijiet tad-DNA biex tkun konfermata l-identità tal-vittma.
Il-Pulizija appellat biex min għandu xi informazzjoni li tista’ tgħin fl-investigazzjoni dwar dan l-omiċidju jista’ jċempel, anke b’mod anonimu, fuq in-numri 21224001 jew 119.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija mid-Dipartiment tar-Reati Maġġuri u tad-Distrett, flimkien mal-Inkjesta Maġisterjali mmexxija mill-Maġistrat Dr Gabriella Vella għadhom għaddejjin.