Il-Malta International Airshow din is-sena se jkun qed isir fit-23 u fl-24 ta’ Settembru 2017, dan ġie kkonfermat fi stqarrija mibgħuta mill-Malta Aviation Society.
Il-wirja statika se ssir f’Ħal Luqa filwaqt li l-wirja tal-ajru se terġa’ ssir fuq SmartCity Malta kmieni filgħaxija.
Diversi laqgħat bejn is-Soċjetà Maltija tal-Avjazzjoni (MAS) u l-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis, kellhom eżitu pożittiv biex issa l-MAS, li hi għaqda volontarja, tista’ tikkonċentra bis-sħiħ fuq il-preparamenti għal din l-Airshow li se tkun il-25 edizzjoni konsekuttiva tal-avveniment.
Il-MAS irringrazzjat lill-Ministeru għat-Turiżmu għall-ħidma konġunta, partikolarment matul dawn id-diskussjonijiet, li finalment wasslu biex jintlaħaq ftehim li se jsarraf f’appoġġ mill-Ministeru lejn il-Malta International Airshow.