Il-Wied tal-Balluta li jservi ta’ pulmun aħdar għaż-żoni ta’ Tas-Sliema u ta’ San Ġiljan se jkompli jżomm l-istatus ta’ protezzjoni sħiħa tiegħu bħala Żona Skedata ta’ Importanza Ekoloġika (AEI).
Dan, wara li t-Tribunal ta’ Reviżjoni għall-Ambjent u l-Ippjanar (EPRT) ikkonferma l-iskedar tiegħu kollu kemm hu. Fit-talba tagħhom quddiem it-Tribunal, l-appellanti appellaw mill-istatus ta’ protezzjoni mogħti liż-żona biswit il-wied proprju.
Konsegwentement, it-Tribunal ikkonferma li d-deċiżjoni meħuda millAwtorità tal-Ippjanar f’Novembru tal-2011, biex tipproteġi l-integrità ġenerali tal-wied permezz taliskedar tiegħu u b’livelli varji ta’ protezzjoni inkluża buffer zone, għandha tibqa’.
Waqt il-proċeduri tal-appelli quddiem it-Tribunal, l-Awtorità tal-Ippjanar saħqet li l-għan tal-iskedar huwa doppju: li jipproteġi l-Wied tal-Balluta fuq il-merti tiegħu bħala komponent tal-wirt naturali tannazzjon, u li jaġixxi bħala mekkaniżmu ta’ kontroll tal-iżvilupp.
L-iskedar tal-wirt naturali mhux biss fuq il-bijodiversità, il-ġeomorfoloġija jew il-karatteristiċi oħra ta’ importanza ekoloġika jew xjentifika.
L-iskedar huwa stqarrija fuq livell nazzjonali li tfittex li tikkontrolla u tidderieġi influwenzi antropoġeniċi fil-forma ta’ pressjonijiet ta’ żvilupp permezz ta’ sett ta’ kriterji statutorji li jiddefinixxu l-firxa u tip ta’ żvilupp li jista’ jkun permess.