Il-Korea ta’ Fuq ordnat lockdown nazzjonali strett wara li ġie kkonfermat uffiċjalement l-ewwel każ ta’ COVID-19.
Irraportat dan il-midja tal-istat fejn ħabbret li l-każ huwa tal-varjant Omicron, madanakollu, ma ħabbrux in-numru ta’ infezzjonijiet.
Mhux qed jiġi eskluż li l-virus ilu preżenti fil-pajjiż.
Il-Korea ta’ Fuq ma amministratx il-programm tal-vaċċin kontra l-COVID-19, fil-fatt, anke kienet ċaħdet offerti meta l-komunità internazzjonali offriet li tforniha b’vaċċin tal-AstraZeneca u Sinovac, li hu magħmul fiċ-Ċina.
Intant, il-mexxej tal-Korea ta’ Fuq, Kim Jong-un wiegħed li se jeqred it-tixrid tal-virus. Il-pajjiż, ilu minn Jannar tal-2020 bil-fruntieri ma’ pajjiżi oħra magħluqa.
Għalhekk, provvisti essenzjali ma setgħux jidħlu fil-pajjiż, li wassal għal nuqqas ta’ ikel.