Iċ-ċentru Amerikan tal-kontroll u l-prevenzjoni tal-mard qal li pazjent f’Louisiana ddaħħal l-isptar b’każ sever tal-virus H5N1 magħruf bħala l-bird flu, l-ifluwenza tat-tjur. Dan huwa l-ewwel każ simili fl-Istati Uniti.
Jidher li din il-persuna kienet esposta għal numru ta’ tiġieġ infettati u mejta li kienu qed jitrabbew f’bitħa li ma kienux għall-użu kummerċjali u ma kienx f’kuntatt ma’ baqar tal-ħalib jew prodotti relatati.
Il-pazjent qed isofri minn problemi respiratorji serji relatati mal-virus H5N1 u jinsab l-isptar f’qagħda kritika. Huwa għandu aktar minn 65 sena u jbati minn kundizzjonijiet mediċi oħra li żidulu r-riskju ta’ kumplikazzjonijiet.
Il-virus, huwa ta’ l-istess tip li riċentament instab f’persuni fil-Kanada u l-istat ta’ Washington u kien anke misjub f’għasafar salvaġġi u tiġieġ fl-Istati Uniti, iżda huwa differenti minn dak misjub fil-baqar tal-ħalib, xi epidemiji fit-tiġieġ u każijiet oħra fuq nies fl-Istati Uniti.
Bħalissa qed isiru testijiet fuq il-pazjent biex jiġi determinat l-oriġini tal-virus u anke investigazzjonijiet ta’ minn fejn seta’ kien espost biex jiġi kontaġġjat.
L-influwenza tat-tjur kemm-il darba kienet il-kawża ta’ mard serju u anke mwiet f’ċerti pajjiżi, iżda qatt ma kien hemm rapporti li din tittieħed minn persuna għal persuna.
Ilbieraħ l-istat ta’ Kalifornja iddikjara stat ta’ emerġenza hekk kif il-każijiet tal-virus H5N1 tal-influwenza tat-tjur infirxet sew u kienet qed taffetwa ħafna rziezet tal-baqar tal-ħalib.
Mill-61 każ ta’ influwenza tat-tjur ikkonfermati fuq nies fl-Istati Uniti din is-sena, 34 minnhom kienu fl-istat ta’ Kalifornja u kważi kollha kienu fuq ħaddiema fl-irziezet tal-baqar tal-ħalib. L-awtoritajiet qalu li l-każ ta’ Louisiana jindika li nies li qed irabbu t-tiġieġ, kaċċaturi u dawk b’delizzju tat-tjur għandhom joqgħodu attenti u jieħdu l-prekawzzjonijiet kollha u qed jiġu mħeġġa biex ma jesponux ruħhom hekk kif tjur infettati iferrxu l-virus fil-bżieq, mukus u ħmieġ tagħhom filwaqt li annimali oħra jaf iferxxu l-virus bi tnixxijiet respiratorji u fluwidi tal-ġisem inkluż ħalib mhux pasturizzat tal-baqar.