Ċifri uffiċjali tal-Eurostat jikkonfermaw li, għar-raba’ xahar konsekuttiv, kien hemm tnaqqis fir-rata tal-inflazzjoni f’pajjiżna. Dan grazzi għall-inizjattiva ‘Stabbiltà’, li rat ir-roħs ta’ 15% fil-prezzijiet ta’ aktar minn erba’ mija u ħamsin prodott essenzjali tal-ikel sa mill-inqas il-baġit li jmiss.
Dan hekk kif, fix-xahar ta’ Ġunju, ir-rata ta’ inflazzjoni nazzjonali ġiet irreġistrata fil-livell ta’ 2.2%. Ir-rata ta’ pajjiżna f’dan ix-xahar hi inqas mir-rata medja tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, dik ta’ 2.6%.
Din ir-rata ma kinitx mistennija li tinkiseb f’pajjiżna qabel l-aħħar tas-sena li ġejja, skont it-tbassir mill-esperti finanzjarji.
Minn Jannar ’l hawn, iżda, ix-xahar qabel daħlet fis-seħħ l-inizjattiva tal-Gvern bi qbil mal-importaturi u l-ħwienet tal-merċa, ir-rata tal-inflazzjoni naqqset b’1.5%. Dan hekk kif ir-rata ta’ inflazzjoni f’Jannar li għadda kienet ta’ 3.7% u baqgħet nieżla b’mod konsistenti kull xahar.
Iżjed minn hekk, minn Ġunju tas-sena l-oħra ’l hawn, din ir-rata terġa’ naqset b’erbgħa fil-mija.
Ir-rata tal-inflazzjoni lokali f’Ġunju li għadda kienet ferm inqas dik minn ta’ pajjiżi Ewropej li huma ferm akbar minna. Dan hekk kif fil-Ġermanja u Franza l-inflazzjoni laħħqet it-2.5%, waqt li fl-Olanda kienet taqbeż it-3%.
Saħansitra fil-Belġju, ir-rata tal-inflazzjoni x-xahar li għadda kienet ta’ aktar minn 5%, l-agħar waħda fl-Unjoni Ewropea kollha kemm hi.