Il-Qorti tal-Appell Kriminali kkonfermat il-ħelsien mill-arrest li ngħata lil Charles Buhagiar ta’ 37 sena minn Bormla li fost oħrajn jinsab mixli li ħebb għas-sieħba tiegħu.
F’digriet studjat u mmotivat anke minn deċiżjonijiet tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera ma laqgħetx it-talba tal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali biex jiġi rrevokat il-ħelsien mill-arrest li ngħata mill-Ewwel Qorti wara li sostna li l-imputat donnu ma tgħallimx u reġa’ jinsab il-Qorti mixli b’reati simili.
Fid-deċiżjoni tagħha, il-Qorti tal-Appell qalet li ma jirriżultalhiex li l-Ewwel Qorti użat id-diskrezzjoni tagħha b’mod żbaljat u li f’dan l-istadju m’hemm periklu imminenti li se jkun hemm xi intralċ tal-provi. Fid-dawl ta’ dan ikkonfermat il-ħelsien mill-arrest bil-kundizzjonijiet mogħtija mill-ewwel qorti.
Għall-akkużat dehru l-Avukati Franco Debono u Amadeus Cachia.