F’laqgħa tal-kumitat għall-Istandards fil-ħajja pubblika, li ttratta r-rapport li sar fil-konfront tad-Deputat Laburista Michael Farrugia, irrizulta li l-Policy dwar il-binjiet high rise kienet approvata unanimament mil-Bord tal-Ippjanar, inkluż b’vot mir-rapprezentant tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista, id-Deputat Ryan Callus.
Quddiem il-kumitat tela’ jixhed il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika, il-Prim Imħallef Emeritus Joseph Azzopardi, li wieġeb għal mistoqsijiet li sarulu mill-membri tal-bord.
Hu spjega li ma nsabet ebda ħtija fir-rigward akkużi li saru fil-konfront tad-Deputat Michael Farrugia dwar risposti li ta lit-Times dwar laqgħat ma’ Yorgen Fenech.
Il-Kummissarju spjega li d-Deputat Michael Farrugia kien korrett meta qal li qatt ma’ kellu laqgħa li ttratta is-suġġett tal-high rise ma’ Yorgen Fenech u dan kien anke kkonfermat minn Johann Buttigieg, li kien l-Uffiċjal Eżekuttiv tal-Awtorità dak iż-żmien.
Il-Kummissarju għall-Istandards limitatament sab biss ħtija fuq dikjarazzjonijiet li saru mid-Deputat Michael Farrugia marbuta mal-proċess li wasal għal approvazzjoni ta’ din il-policy lura fl-2014.
Il-Ministru tal-Ġustizzja Jonathan Attard irrimarka li hawn qed nitkellmu dwar ċirkostanzi li seħħew sitt snin qabel u li matulhom mhux biss kienet inbdiet leġizlatura ġdida, imma d-deputat Michael Farrugia kien biddel 3 dekasteri differenti.
Il-Ministru Attard saħaq li irrispettivament mill-proċess li sar wara l-konsultazzjoni pubblika, fl-aħħar mill-aħħar id-deċizjoni kienet ittieħdet mill-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar u bil-vot favur tar-rappreżentant tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista Ryan Callus, li inċidentalment kien fuq il-kumitat għall-Istandards jiddiskuti dan ir-rapport.
Dwar l-ittra li kienet intbagħtet minn Michael Farrugia fl-2014 lill-Awtorità tal-Ippjanar, meta kien Segretarju Parlamentari qabel il-vot tal-bord tal-Awtorità fuq il-policy tal-high rise, il-Kummissarju saħaq li din ma kien fiha xejn illegali.
Fis-seduta li jmiss tal-Kumitat Parlamentari, li għad trid tiġi stabbilita, se tittieħed deċiżjoni jekk ir-rapport tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika għandux jiġi adottat.