L-ebda tifel jew tifla mis-Serbja mhu se jitkeċċew minn pajjiżna qabel il-festi tal-Milied.
Sostniet dan is-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza Julia Farrugia Portelli b’reazzjoni għal rapporti fil-ġurnal The Times of Malta li implika li 22 tifel u tifla mis-Serbja se jkunu ddeporati għax il-ġenituri tagħhom ma jilħqux il-livell minimu tas-salarju biex isostnuhom.
Dr Farrugia Portelli saħqet li kuntrarju għal dak irrapportat fil-mezzi tax-xandir, Identity Malta tagħmel użu minn formola Ewropea biex tibbaża l-kriterji biex jinħareġ permess ta’ residenza. Fost dawn hemm kemm jifdal dħul disponibbli wara li jinqatgħu spejjeż bħall-bolla u l-kera.
Dan filwaqt li tieħu inkonsiderazzjoni il-bonuses u perkaċċi oħra tas-salarju.
L-Onor Farrugia Portelli sostniet: “Fil-mezzi tax-xandir intqalu ħafna verżjonijiet – qalu li ma niħdux inconsideration il-bonus tal-Gvern. Mhix verità. Noħduhom inconsideration ukoll. Mhix verità li għandna sitwazzjoni li dawn il-każijiet kollha qegħdin xi mija jew mitejn ewro biss inqas mit-threshold. Għandna każijiet li qegħdin €9,000 inqas minn dak mitlub biex wieħed ma jaqax f’riskju ta’ faqar.”
Hija saħqet li tul is-snin Identity Malta ltaqgħet ma’ każijiet li wara li nqatgħu l-ispejjeż, kien jifdal biss mitejn ewro jew inqas biex tiġi mgħajxa familja ta’ 4 min-nies.
Qalet ukoll li f’każ li talba għal permess ta’ residenza jkun irrifjutat, l-applikant u l-familja tiegħu jistgħu jappellaw quddiem tribunal indipendenti u jibqgħu Malta sakemm dan jinqata’.
“Kull minn irċieva ittra ta’ refusal fl-aħħar snin, mhux kwistjoni fl-aħħar jiem, dejjem ingħata ċ-ċans l-individwu li jappella quddiem tribunal li huwa indipendenti, dik id-deċiżjoni li tkun ingħatat. Allura sakemm wieħed jiġi appuntat seduta partikolari hija kwistjoni ta’ xhur oħra li baqalu jgħix Malta”, qalet Dr Farrugia Portelli.
Farrugia Portelli kompliet tispjega li l-proċess f’Malta jilħaq bilanċ li jkun ġust ma’ kull min jixtieq jirriloka f’pajjiżna iżda jirrispetta u jħalli lil dawk vulnerabbli bħat-tfal jgħixu f’kundizzjonijiet diċenti mingħajr riskju ta’ faqar.
Hija xejnet ukoll rapporti li l-komunità Serba tinsab fil-mira. Dan għax hija waħda minn dawk li tikber b’rata mgħaġġla f’pajjiżna. Spjegat li l-każijiet ikkwotati fil-midja jikkonċernaw persuni li waslu riċentament f’Malta u mhux dawk li ilhom Malta s-snin.
Is-Segretarju Parlamentari Farrugia Portelli temmet tgħid: “Kieku aħna għandna xi ħaġa kontra l-komunità Serba żgur m’għandniex sitwazzjoni fejn sa mill-2016 il-komunità Serba hija l-iktar waħda b’saħħitha fejn għandu x’jaqsam ma’ permessi li ġew approvati.”