Il-ħlas tal-liċenzji u l-kontribuzzjonijiet ta’ din is-sena kollha li bosta negozji f’pajjiżna għandhom mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, l-MTA, ġew ikkanċellati.
Din il-miżura mistennija tħalli erba’ miljun ewro fil-bwiet tan-negozji.
F’konferenza tal-aħbarijiet bit-tema ‘Insaħħu lill-Ħaddiema’, il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Clayton Bartolo spjega li b’din il-miżura mistennija jgawdu madwar għaxart elef operatur u negozju.
Fost dawn hemm il-lukandi, guesthouses, ristoranti, bars, aġenziji tal-ivvjaġġar, kiosks, snack bars, dawk li għandhom kumpaniji tal-minibuses, xarabanks u skejjel tal-lingwi.
Dan kollu jifforma parti mill-pjan ta’ rkupru għas-settur turistiku li ħabbar il-Gvern Malti għall-pajjiżna.
Il-Ministru Clayton Bartolo qal li dak li kien għadu kemm ħabbar, jikkumplimenta l-inizjattivi l-oħrajn li ttieħdu favur dan il-qasam tant kruċjali għall-pajjiżna.
Qal, “Hawnhekk irridu nassiguraw ruħna illi aħna nkunu qed ngħinu sabiex nassiguraw u ngħinu lil dawn in-negozji biex minn Ġunju li ġej jkunu preparati u jilqgħu lit-turisti ġewwa pajjiżna.”
Il-Ministru Bartolo ħabbar ukoll li l-ġimgħa d-dieħla mistenni jħabbar skema oħra li minnha se jgawdu l-iskejjel tal-lingwi f’pajjiżna li wkoll ġew milquta mill-isfidi tal-pandemija.
Saħaq ukoll li kollox jindika li n-numri huma nkoraġġanti ħafna għal dan is-sajf fejn jidħlu t-turisti li mistennija jżuru lil pajjiżna.
Mistoqsi mill-ġurnalisti, il-Ministru qal li dwar il-passaport tal-vaċċin, il-Gvern se jiżgura li pajjiżna jkun wieħed mill-ewwel pajjiżi li jimplimenta s-sistema biex b’hekk saħħet il-poplu Malti u Għawdxi tibqa’ tiġi mħarsa.
Fl-indirizz tiegħu, iċ-Chairman tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Gavin Gulia qal li fix-xhur li għaddew, l-operaturi għamlu ħafna sagrifiċċji u għalhekk wasal iż-żmien biex jiġu mgħejjuna u jerġgħu jqumu fuq saqajhom.
Spjega, “Irridu naraw li l-operaturi u l-impjegati tagħhom ikunu sostnuti u mgħejuna fi żmien ta’ tranżizzjoni bejn il-Covid u s-sitwazzjoni ta’ kważi normalità.”