F’ħidma kontinwa sabiex jitnaqqsu l-ostakli ħalli l-istudenti jsiru aktar interessati fix-xjenza, l-iskejjel tal-gvern li jżuru l-Esplora minn Jannar li ġej, ser jibbenefikaw minn użu ta’ trasport b’xejn. Din l-inizjattiva hija frott ta’ kollaborazzjoni bejn il-Ministeru għall-Edukazzjoni flimkien Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija.
Fi stqarrija l-Esplora qal li din l-iskema ser tgħin sabiex jiżdiedu n-numru ta’ żjarat lejn l-Esplora, ser tnaqqas il-piż finanzjarju fuq il-familji u ikkontribwixxi għal ħidma kontinwa sabiex tiżdied l-imħabba lejn ix-xjenza.
Grazzi għal din l-inizjattiva s-suġġetti tax-Xjenza, it-Teknoloġija, l-Inġinerija u l-Matematika (STEM) se jsiru aktar aċċessibli. Din l-azzjoni tirrifletti l-impenn ta’ dan il-gvern hekk kif imħabbar fil-baġit ta’ din is-sena biex aktar studenti jagħżlu suġġetti STEM.
Stħarriġ riċenti mħejji minn MISCO International, ħareġ li Esplora diġà ra żieda ta’ 14% fl-interess mill-pubbliku fix-xjenza-, figura ogħla mill-mira ta’ 10% żieda li kienet kommessa sabiex jingħataw il-fondi mill-fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali 2007 – 2013 li għamilha possibli għall-Esplora biex jiġi żviluppat f’Ċentru Interattiv għax-Xjenza.
Żjara lejn l-Esplora tikkonsisti f’attività edukattiva relatata mal-kurrikulu skont il programm edukattiv ta’ Esplora u l-aċċess għaż-żoni tal-esibiti. Il-programm edukattiv ta’ Esplora joffri għażla wiesgħa ta’ attivitajiet għall-etajiet kollha, minn snin bikrija sa studenti tal-iskola sekondarja u aktar.
Mill-ftuħ tiegħu ’l hawn, Esplora serva bħala katalist għall-bidla, uża metodi kreattivi ta’ faċilitazzjoni u inquiry based learning, sabiex jinkoraġġixxi lill-viżitaturi ħalli Jesploraw, Jaħsbu u Jimmaġinaw. Dan isarraf f’nies li jaħsbu, li jieħdu riskji, li jieħdu deċiżjonijiet infurmati, jingaġġaw f’esperjenzi hands-on u li jinvolvu ruħhom u ġisimhom billi jitgħallmu għax jesperjenzaw, jippersistu fil-problem solving u jħaddnu l-kollaborazzjoni. Dawn kollha jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-ħiliet tas-seklu 21.