Il-magni fil-gyms reġgħu bdew jitħaddmu, in-nies għatxana biex iqattgħu il-ħin tagħhom jitħarrġu fil-gyms u uħud tħajru japplikaw għall-ewwel darba biex jattendu l-gyms.
Il-gyms fetħu l-bibien tagħhom it-Tnejn bi protokolli ċari tal-awtoritajiet tas-saħħa, wara ġimgħat magħluqa bħala parti mill-miżuri għat-trażżin tal-COVID-19.
Tim ta’ ONE News żar wieħed mill-gyms f’pajjiżna, fejn iltqajna ma’ persuna li saħansitra beda t-taħriġ tiegħu fi żmien il-pandemija.
Darren Marmara stqarr magħna: “Jien bdejt il-gym fi żmien il-COVID, jiġifieri kelli għażla: jew li nibqa’ d-dar u nnaqqar jew inkella nara x’nagħmel. Kif bdejt il-gym, wara ftit ittieħdet id-deċiżjoni li l-gyms jagħlqu wkoll u kelli nkompli mid-dar, allura meta erġajt ġejt lura ħassejt ovvjament li erġajna ġejna b’xi tip ta’ ħajja normali.”
Persuna oħra, li ilha sena u nofs titħarreġ fil-gym, qaltilna li tħossha ferm aħjar li issa ħajjitha reġgħet qabdet ir-rutina li kellha qabel.
Charmaine D’Amato qaltilna, “Li niġi l-gym jien għalija hija xi ħaġa mentalment tajjeb għalija biex inħossni tajba u għalkemm komplejt id-dar xorta kienet differenti li nerġa’ niġi l-gym kienet tajjeb għalija u nħossni ferm kuntenta.”
It-taħriġ fil-gym jista’ jgħinna nikumbattu l-isfidi li ġabet magħha l-pandemija, għaliex apparti li jgħinna għal dehra aħjar, it-taħriġ jgħin ukoll fis-saħħa mentali; u minkejja li l-ewwel pass ikun l-itqal, dan iservi għal riżultati sodifaċenti.
L-Istructor tal-Gym, Daniel Briffa fissrilna: “L-ewwel pass dejjem narah l-itqal wieħed jiġifieri li tieħu l-azzjoni l-ewwel darba l-aktar ħaġa antipatka, imma l-aktar mossa li inti mhux se jiddispjaċik għaliha within a few months. Il-messaġġ li nista’ ngħaddi, oħorġu mill-qoxra, tinstema’ faċli tgħida imma ħafna itqal biex tagħmilha, imma ladarba li tagħmilha mhux se jiddispjaċik żgur.”