Raġel li erba’ snin ilu kien arrestat wara li f’ daru f’ Birkirkara instabu karti ta’ flus foloz u kelb mhux irreġistrat akkuża Spettur tal-Pulizija sospiż li mmissapproprija l-flus ikkonfiskati waqt it-tfittxija u qbid.
Fix-xhieda tiegħu fil-każ fejn qed ikun akkużat bi frodi, Wayne Falzon stqarr li l-Ispettur Jason Sultana, li fittixlu d-dar m’ għaxar Pulizija oħra ma sablu l-ebda illegalità iżda ikkonfiskalu €1,700. Minnhom, l-akkużat sostna li rċieva biss elf ewro lura.
Meta fl-awla tal-Maġistrat Antonio Micallef Trigona, Falzon kien mistoqsi dwar il-karti stampati b’ stampi tal-ħamsin ewro, huwa wieġeb li kien hemm biss photocopy waħda mgeżwra ma’ landa.
Huwa ċaħad ukoll li kien qed iġorr sikkina fuqu. Għalhekk sostna li kien arrestat biss għax il-poodle ma kellux ċippa.