Sebgħa kienu d-Duluri li daħlu bħal stallet f’qalb Marija. Qalb minfuda b’sejf in-niket, qalb li tnixxi dmugħ u dmija.
Siltiet minn versi ta’ poeżija minn bosta li nkitbu tul is-snin biex jirrakkontaw il-ġrajja ta’ meta l-Madonna rat lil binha jmut quddiemha u dak li ħasset taħt is-salib.
Xena li tingħata l-ħajja u tiġi mfakkra fil-vara tad-Duluri, li fil-Ġimgħa ta’ qabel il-Ġimgħa l-Kbira, toħroġ mill-Knisja u ddur fit-toroq ta’ diversi lokalitajiet għall-purċissjoni.
Purċissjoni b’vara li warajha jterrqu bosta Maltin u Għawdxin, li b’devozzjoni kbira, jimxu u jitolbu lil omm Alla ttaffilhom xi ftit mit-tbatijiet.
Fil-Knisja ta’ Ħal Luqa, fejn tiddomina l-ħemda, iltqajna ma’ Emmanuel Spiteri. Reffiegħ anzjan li tkellem magħna bil-vara li refa’ fuq spallejh għal dawn l-aħħar ħamsin sena, fl-isfond.
Hu qalilna: “Jien ili nerfa’ fid-Duluri għal dawn l-aħħar ħamsin sena. Qatt ma bdiltha ma’ vara oħra. Tfisser ħafna mhux, minn sena għal sena nkun qiegħed nistennieha tiġi. Jiena għalija festi oħra jistgħu ma jiġux, tiġi l-Ġimgħa l-Kbira, l-ikbar festa għalija.”
Jistqarr li l-aħħar deċenju kien aktar speċjali minn ta’ qabel għaliex qasam din l-esperjenza ma’ ibnu.
Emmanuel spjega: “Dawn l-aħħar għaxar snin erfajt dejjem mat-tifel. Għandi ferħ kbir li nkunu dejjem flimkien nerfgħu fl-istess vara u nispera li ‘l quddiem nerġa’ nintriga.”
Matul is-snin li ilu jerfa’, jiftakar darba meta l-purċissjoni ma saritx minħabba l-kundizzjonijiet ħżiena tat-temp.
Huwa sostna: “Ilu madwar xi 10 jew 12-il sena ilu, kienet ix-xita u baqgħet nieżla u ma ħarġitx. La t’hawnhekk u lanqas ta’ bnadi oħra.”
Stqarr li ltaqa’ ma’ ħafna reffiegħa sħabu li lkoll jinsabu ddispjaċuti għall-aħħar li ma saritx il-purċissjoni. Għalkemm jaf li din kienet l-għażla t-tajba fis-sitwazzjoni ta’ bħalissa, u jħares ’il quddiem għad-darba li jmiss.
Huwa qal: “Jiena għalija l-Madonna tad-Duluri tfisser ħafna u jekk ikolli nerġa’ nerfa’, għad nerġa’ nerfa’ għax il-lasta tiegħi hemm qiegħda.”
Il-Kappillan ta’ Ħal Luqa, il-Kanonku Fr Michael Zammit, kellu dan l-appell għall-familji f’Jum id-Duluri.
Huwa qal: “Nistieden lill-poplu biex xorta minn ġewwa djarna forsi ħafna għandhom xbieha, xi santa jew statwa tad-Duluri biex ninġabru quddiemha bħala familji sabiex hi tiġbor il-familji tagħna f’dan il-mument u tieqaf magħna f’dan il-mument diffiċli li għaddejjin minnu u nisimgħu l-leħen ta’ din l-omm tagħna li tressaqna lejn Ġesù.”