Samuel Azzopardi, mistenni jerġa’ jsir uffiċjalment Sindku tar-Rabat Għawdex il-ġimgħa d-dieħla. Dan wara r-riżenja tas-Sindku Josef Schembri li okkupa l-kariga għal dawn l-aħħar ġimgħat.
Ittra li kienet ilha miftehma fid-dawl li fil-Partit Nazzjonalista kien hemm qbil li jiġri x’jiġri mis-sentenza tal-qorti Azzopardi dwar każ ta’ sewqan xurban jieħu lura postu bħala Sindku tal-lokalità f’isem il-Partit Nazzjonalista. Dan anke għax waqt li suppost kien Sindku baqa’ jkun nominat mill-Partit Nazzjonalista fil-fora Ewropea.
Fl-ittra, li one.com.mt għandu kopja tagħha, Schembri kiteb: “Inħoss li la Samuel Azzopardi reġa’ lura fil-Partit Nazzjonalista li tifforma l-maġġoranza fil-Kunsill Lokali jien għandi noffri r-riżenja tiegħi minn Sindku filwaqt li nibqa’ kunsillier f’isem il-Partit Nazzjonalista.”
Biex għamel din il-manuvra wara li l-qorti sabet lil Azzopardi ħati li saq xurban u rrifjuta li joqgħod għat-test tan-nifs, il-Partit Nazzjonalista qed juża s-sentenza tal-qorti li qalet li Azzopardi xorta waħda għandu jkun attiv fil-kommunità u saħansitra juża l-każ tiegħu biex joffri eżempju dwar kemm kienu serji l-konsegwenzi ta’ għemilu.
Peró imkien fis-sentenza tal-qorti ma ntqal li Azzopardi għandu jerġa’ jsir Sindku u m’għandux ikun hemm xi tip ta’ piż x’jerfa’ għal aġir mill-iktar serju.