“Ejja minn hemm!”
Kien b’dan il-messaġġ tat-tewmin ċkejknin Len u Jacob, li nissel tbissima fuq fomm Rafel u Andrew qabel bdew ġurnata twila.
Għal dawn l-aħħar tliet snin, Rafel u Andrew organizzaw għawma bi sfidi differenti biex jiġbru l-flus għal għan nobbli.
Din is-sena ddedikaw għawma twila erbgħa u għoxrin siegħa b’risq dawn it-tewmin li għandhom marda rari.
Qal, “Kien ġie fuqna missierhom xi sena ilu imma ma konniex f’pożizzjoni sfortunatament dak iż-żmien li ngħinuh u din id-darba żammejnihom f’moħħna u għidna ħa nagħtu tal-inqas 25% tal-ġbir b’risq it-tewmin. Hekk għamilna. Jekk alla jrid diġà qbiżna t-target u nħeġġu lil dawk in-nies kollha li qegħdin jarawna biex jagħtu xi ħaġa. Jekk hux €5 jew €50 jew €100, kull naqra tgħodd onestament kull naqra tgħodd.”
Din l-isfida ser tiġbor il-flus ukoll għall-Victory Kitchen, li Rafel u Andrew huma l-fundaturi tagħha.
L-għawwiema qalulna li d-daqqa t’id li ser jagħtu permezz ta’ din l-għawma hija l-motivazzjoni ewlenija għal din l-isfida qalila.
Spjega kif, “Tibda taħseb għalfejn qed nagħmluha u n-nies li qed ngħinu. Tajjeb li ngħidu li aħna nagħtu kważi elfejn ikla fil-ġimgħa jintbagħtu fid-djar tan-nies. Ukoll, nibdew naħsbu f’dawn it-tewmin Len u Jacob li d-determinazzjoni tagħhom ta’ seba’ snin u dak il-fighting spirit, tkun ġo fina wkoll li tgħinna negħlbu din l-isfida.”
Apparti mentalment, Rafel u Andrew riedu jħejju ruħhom ukoll fiżikament.
Qal, “Ħafna taħriġ fil-pixxina minn erba’ sigħat sa sitt sigħat, seba’ sigħat kontinwament ġol-pixxina u li nagħmlu bħala strateġija hija li nqassmu l-għawm, f’biċċiet ta’ tletin minuta. Jiġifieri dejjem ngħumu għal nofsiegħa, nieqfu dik il-ħarira biex jagħtuna li aħna ngħidulhom feeds, għal iktar enerġija u hekk mentalment breaking it down nipprovaw pass pass dejjem nieklu naqra iktar mill-biċċa tal-għawma.”
U x’inhi l-ewwel ħaġa li se jagħmlu kif ilestu din l-isfida?
Qal, “Naħseb platt għaġin u sodda.” “Jiena lager u pizza.”