L-awtoritajiet Ċiniżi qed iwissu u jħeġġu biex jieqaf l-ivvjaġġar minn u lejn Wuhan – il-belt fiċ-ċentru tat-tifqigħa ta’ virus ġdid li fi ftit jiem qatel 9 persuni.
Il-kważi 9 miljun resident f’din l-istess belt qed jiġu mħeġġa jevitaw il-folol u postijiet fejn jinġemgħu n-nies.
Din it-twissija ħarġet fid-dawl tal-aħbar li dan l-istess virus mistenni jkompli jinfirex aktar.
S’issa hemm 440 każ ikkonfermat u huwa maħsub li l-virus oriġina minn suq li jbiegħ l-annimali selvaġġi u illegali f’Wuhan.
Minn Wuhan infirex f’diversi provinċji oħra fiċ-Ċina u anki barra l-pajjiż, inkluż l-Istati Uniti, it-Tajlandja u l-Korea ta’ Isfel.
L-awtoritajiet stqarru li l-pajjiż jinsab fl-aktar stadju kritiku ta’ prevenzjoni u kontroll.