Philip Cauchi ta’ 46 sena minn Ħaż-Żebbuġ ingħata 480 siegħa ta’ xogħol fil-komunità wara li nsatb ħati li ħebb għall-iben eks-ministru wara li dan tajjar it-tfajla tiegħu bil-karozza.
Il-każ jeħodna lura għall-5 ta’ Marzu ral-2006, fejn kmieni filgħodu ġewwa parkeġġ f’Paceville, ipprova joqtol jew iqiegħed fil-periklu ħajjet Tonio Zammit, iben l-eks Ministru Ninu Zammit.
Fil-Qorti, quddiem il-Maġistrat Marse-Anne Farrugia ħareġ li wara li għaddiet karozza u laqtet il-karozza tat-tfajla ta’ Cauchi, Antonella cutajar, Cauchi ħareġ jiġri biex jieħu n-numru tal-karozza, u kien f’dan il-waqt li karozza oħra misjuqa minn Zammit laqtet lil Cutajar.
L-akkużat tenna li mar jiġri wara Zammit u ħebb għalih, bil-vittma jitlob l-għajnuna lill-membri tas-sigurtà tal-parkeġġ. L-akkużat ammetta li aġixxa b’dan il-mod ma’ Zammit għaliex kien irrabjat li laqatlu lit-tfajla. Għalkemm Cauchi tenna li hu talab skuża lill-vittma, il-Maġistrat Farrugia qalet li ma kienx ġustifikat li jaġixxi b’dan il-mod.
Il-Maġistrat ikkunsidrat il-kondotta nadifa ta’ Cauchi, u kien għalhekk li weħlitu xogħol fil-komunita flimkien ma’ €382 għal danni lill-vittma.