Għal Jum San Valentinu, jidher li l-maġġoranza tan-nies iħallu għall-aħħar biex jixtru r-rigal għall-maħbub jew maħbuba tagħhom.
One News mar fit-toroq tal-Belt Valletta jistaqsi dwar bosta aspetti ta’ dan il-jum imfittex minn bosta biex iġeddu l-imħabba dejjiema ta’ bejniethom.
Kemmxejn differenti mis-soltu, iżda jidher li l-festa u s-sinifikat xorta se jinżamm.
Qed nirreferu għal festa tal-maħbubin, dik li dis-sena se tiġi ċċelebrata fl-istess jum ta’ Ras ir-Randan.
Jidher ċar li l-ħajja mgħaġġla li qed ngħixu qed tħalli effett fuq meta dak li jkun jixtri r-rigal għal maħbub jew maħbuba.
L-għażla ta’ rigali li wieħed jista jixtri hija wiesgħa ħafna minn kartolina, ċikkulatini, bżieżaq u fjuri b’mod partikolari l-ward aħmar fost l-izjed popolari ma’ dawk li jridu jesprimu mħabbithom.
Filwaqt li hemm min jalloka ammont ta’ flus ta’ kemm irid jonfoq għal Jum San Valentinu, oħrajn jerħu xi ftit idejhom basta b’dak li jixtru jolqtu l-qalb….. li serqitilhom qalbhom.
Kienu diversi dawk li ma ridux iwieġbu għad-domandi tagħna.
Qed nissaponu li għax ma riedu jiżvelaw xejn jew għax x’aktarx intebħu li għadhom ma ppjanaw xejn.
U fost dawk li weġbuna, jidher li l-iktar ħaġa li jippreferu dakinhar ta’ San Valentinu hija l-ikla tradizzjonali.
Infakkrukom li jekk għadkom ma preparajtu xejn, ma tantx fadlilkom ħin!