Vincent Moran, it-tabib tal-familja, it-tabib rispettat u maħbub minn bosta, miet fl-età ta’ 86 sena.
Kienu ħafna dawk li urew is-sogħba hekk kif ħarġet l-aħbar li dak li għal snin twal tahom servizz b’dedikazzjoni kbira m’għadux magħna.
Apparti l-professjoni ta’ tabib, Moran ta servizz twil fix-xena politika.
Moran ġie elett għall-ewwel darba fil-Parlament fl-1962.
Huwa baqa’ jiġi elett għall-elezzjoni, waħda wara l-oħra sakemm fl-1976 ħa l-ġurament ta’ Ministru għas-Saħħa.
Moran wettaq riformi li komplew isaħħu dak li l-Gvern ta’ Pawlu Boffa u Dom Mintoff bdew fis-settur tas-saħħa.
Il-professjoni ta’ tabib u l-irwol tiegħu fil-politika kienu mezzi kif Moran kien jara li jagħmel il-ġid fost is-soċjetà.
Għal Vincent Moran, il-bniedem li ħadem ma’ tliet mexxejja tal-Partit Laburista, jiġifieri Duminku Mintoff, Karmenu Mifsud Bonnici u Alfred Sant, in-nies b’mod partikolari ta’ Raħal Ġdid kienu l-mimmi t’għajnejh.
Bla dubju dawn in-nies issa jroddu ħajr lit-tabib, il-politiku u l-ġentlom Vincent Moran.
Fuq Twitter, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li t-tabib Moran se jibqa’ mfakkar bħala missier is-sistema tas-saħħa Maltija.
Vincent Moran can be considered one of the founding fathers of #Malta National #Health System. He remained an integral part of the community throughout his political life and beyond. Vincent and Maggie embodied selfless service at its best -JM
— Joseph Muscat (@JosephMuscat_JM) November 20, 2018
Fi stqarrija, il-Partit Laburista qal li Malta u l-Partit Laburista tilfu politiku ġentlom li f’deċenji li għamel attiv ħadem kemm felaħ favur il-kawża tal-ħaddiem.
L-eks Ministru u tabib, Vincent Moran, jibqa’ magħruf għal kemm kien bniedem tan-nies. Sa minn meta kien elett l-ewwel darba fil-Parlament, fl-1962, il-ħidma politika tiegħu dejjem kienet ispirata mill-bżonn jtejjeb il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini. Dan b’mod partikolari b’attenzjoni fuq is-settur tas-saħħa fejn kien strumentali għal bidliet li saru fi żminijiet ta’ gvernijiet Laburisti mmexxija mill-eks Prim Ministru Mintoff b’mod partikolari dak tal-1976. Moran baqa’ jgħożż u jgħin lill-pazjenti sakemm baqgħet ittih saħtu.
It-tabib Moran kien ukoll wieħed mill-politiċi Laburisti li għexu ż-żmien iebes tad-dnub il-mejjet.
Għal snin twal Moran baqa’ attiv fil-Partit Laburista b’lealtà assoluta lejn l-ideal soċjal-demokratiku.
Xi ħaġa li żgur tibqa’ apprezzata u li sservi ta’ eżempju għal ħafna oħrajn li jridu jinvolvu ruħhom fil-politika, temm jgħid il-Partit Laburista.