Il-Ġimgħa waranofsinhar id-Dipartiment għall-Ħarsien tal-Annimali rċieva rapport li kelb tar-razza bulldog kien f’diffikultà wara li tħalla marbut waħdu ma’ bieb residenzjali, viċin il-Knisja Parrokjali tal-Ħamrun. Mal-wasla ta’ uffiċjali tal-Animal Welfare ġie nnutat li l-kelb kien f’kundizzjoni ħażina u bilkemm seta’ jieħu nifs. Il-kelb miet ftit minuti wara waqt li kien qed jittieħed bl-ambulanza tal-annimali għand veterinarju.
Id-Dipartiment se jkun qed jieħu passi legali fil-konfront ta’ sid il-kelb fil-jiem li ġejjin, wara li jitlesta rapport tal-awtopsja minn veterinarju. Il-Gvern se jibqa’ jaddotta politika ta’ tolleranza żero fil-konfront ta’ moħqrija fuq l-annimali kif ilu jagħmel fl-aħħar tliet snin.
Ritratt: Animal Welfare