Dan huwa Stephen Formosa u ltqajna miegħu fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, ftit qabel ħalla lil qrabatu u xogħlu, biex imur għall-avventura bil-mutur ġewwa tliet kontinenti madwar id-dinja.
Qal, “Din hija avventura li ilni noħlom dwarha fil-verità. L-avventura hija avventura bil-mutur propjament ġewwa diversi kontinenti, ħa nibdew mill-Afrika l-idea hija abinata mal-mutur, imma fl-istess ħin għandha skop iktar għoli, naħseb jiena li ħa nabbina mal-missjoni.”
Din l-avventura se tkun waħda ta’ missjoni bl-isem ta’ ‘Dinja Mutur’. Hawnhekk, Formosa se jkun qed idur bil-mutur madwar ħdax-il pajjiż fil-kontinent Afrikan.
Stephen Formosa se jibda l-avventura fil-Kenja u se jmur f’pajjiżi bħala l-Uganda, Rwanda, Tanżanija u se jispiċċa fl-Afrika t’Isfel.
Matul din l-esperjenza ta’ sitt xhur, Formosa se jdur madwar għoxrin elf kilometru fuq il-mutur.
Formosa spjega ma’ ONE News kif it-tħejjijiet ilhom għaddejjin għal madwar sena u nofs, hekk kif dawn jinkludu l-preparamenti tal-mutur u d-dokumenti.
Semma kif matul din il-preparazzjoni sab ukoll sfidi, speċjalment dik tal-pandemija globali.
Spjega, “Naturalment minħabba li kollox kien magħluq, bdejna nħabblu rasna fejn nistgħu nibdew u eventwalment iddeċidejna li nibdew mill-Afrika għax milli jidher kienet l-iktar triq faċli li nistgħu nagħmlu.”
Staqsejna lil Formosa dwar kif qed iħossu li huwa se jinqata’ minn ma’ qrabatu.
Qal, “Illum il-fatt li teżisti t-teknoloġija u l-internet, li llum tista’ ssibu f’kull pajjiż, naħseb dik tbiddlek anke l-ħsieb. Jiġifieri żżommok aktar f’kuntatt mal-għeżież tiegħek. Però qed nipprova ma naħsibx fuqha, forsi għalissa jaf lanqas qed tolqotni dik il-ħaġa, però rridu nesperjenzawha mat-triq imbagħad.”
Fl-ajruport tkellimna wkoll mal-Kelliem ta’ Missio Malta, Robert Farrugia, hekk kif dan il-proġett qed isir flimkien ma’ din l-organizazzjoni u din l-avventura se tkun qed tixxandar fuq ONE.
Qal, “Allura ġietna l-idea li nagħmlu wkoll fuq it-televiżjoni u din se tkun qed tixxandar minn Ottubru li ġej, bħal dan iż-żmien is-sena fuq ONE, fejn ħa nuru l-esperjenza kollha. Allura ġabet ftit sfidi għax ovvjament l-affarijiet li ħa jagħmel Stephen mhux se tkun biss avventura, imma anke ħa jgħaddi minn proġetti tal-benefatturi Maltin, bil-flus tagħhom, li l-Missio għamlet.”
Matul din l-avventura se jkunu qed jinġabru l-flus permezz ta’ crowd funding fuq is-sit ta’ Missio Malta sabiex jinġabru l-flus biex jgħinu aktar nies li għandhom bżonn.