Permezz ta’ kollaborazzjoni bejn l-Aġenzija Project Green u l-Fondazzjoni Puttinu Cares, tħawlu ‘l fuq minn 1,600 siġra fi spazju ta’ 12,000 metru kwadru addizzjonali, ġewwa l-Park ta’ Bengħajsa f’Birżebbuġa.
Dawn is-siġar, fosthom taċ-ċippress u r-rummien, li huma ffinanzjati mid-donazzjonijiet b’risq Puttinu Cares, huma mgħammra wkoll b’sistema ta’ geo-tagging, sabiex id-donaturi jkunu jistgħu jsegwu l-progress tas-siġra mħawla online.
Bħalissa, din iż-żona hija magħluqa għall-pubbliku, minħabba li s-siġar għadhom għadhom sensittivi għas-sempliċi raġuni li għadhom kif jiġu mħawla, u faċilment tista’ sseħħilhom il-ħsara.
Ladarba s-siġar joħorġu minn dan l-istadju, iż-żona se tkun tista’ titgawda mill-familji.
Tkellimna mal-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Project Green, Steve Ellul, li spjega kif wara li nfetħet l-ewwel fażi fil-Park ta’ Bengħajsa, issa qed isir ix-xogħol fuq it-tieni parti.
“Kull waħda minn dawn is-siġar hemm tag li ġġib l-isem tad-donatur jew inkella tal-persuna jew familja li għaliha din il-persuna, din is-siġra hija ddedikata. Kull wieħed u waħda minn dawn id-donaturi issa rċivew link speċifiku permezz ta’ email u anke ittri apposta, sabiex kull persuna, għalkemm dan il-post għadu magħluq għall-pubbliku sabiex nagħtu ċans lil dawn is-siġar li jikbru aktar, kull persuna però tista’ tara ritratti ta’ din is-siġra, is-siġra rispettiva tagħhom kif tkun qiegħda tikber.”
Huwa spjega li l-għan wara din l-inizjattiva ma kienx biss dak ta’ afforestazzjoni, iżda wkoll l-għajnuna għal għan nobbli.
“Il-ħsieb warajha mhux biss li jkollna 12,000 metru kwadru ieħor ta’ park ġdid, imma fl-istess ħin, ngħinu lil din l-inizjattiva tant importanti għall-poplu Malti.”
Barra minn hekk huwa spjega kif aktar siġar ta’ din ix-xorta, bl-istess għan, ġew imħawla fi ġnien li se jiftaħ daqt għall-pubbliku, fil-Mosta.
Fil-fatt, hekk kif il-maratona b’risq Puttinu Cares tinsab qrib, il-ħaddiema tal-aġenzija Project Green, ġabru somma sostanzjali bejniethom għall-din il-kawża ġusta, liema somma se tiġi rduppjata mill-aġenzija.
“Matul l-aħħar ġimgħa, il-ħaddiema kollha ta’ Project Green, sabu l-ħin ukoll biex jagħmlu inizjattivi bħala aġenzija, sabiex jiġbru d-donazzjonijiet għal Puttinu Cares. Liema donazzjonijiet, issa ġew irduppjati mill-aġenzija, u jawgura tajjeb ukoll għall-maratona li se jkollha Puttinu Cares, fl-aħħar ta’ din il-ġimgħa.”