F’tentattiv biex iktar persuni b’diżabilità jidħlu fid-dinja tax-xogħol, fl-aħħar snin il-Gvern daħħal fis-seħħ il-liġi li kienet hemm is-snin, iżda qatt ma kienet infurzata biex tnejn fil-mija tal-ħaddiema jkunu persuni b’diżabilità.
Il-fabbrika Mettalform, f’Ħal Far li tħaddem mitejn u disgħin ħaddiem marret pass aktar minn hekk u qed tħaddem ħdax-il persuna b’diżabilità, jiġifieri kważi d-doppju ta’ dak stipulat bil-liġi.
Il-Ministru Evarist Bartolo u s-Segretarju Parlamentari Anthony Agius Decelis qalu li din il-fabbrika għandha sservi ta’ eżempju għal kumpaniji oħrajn, minħabba li qed tgħaqqad is-suċċess ekonomiku, ma’ dak soċjali.
Il-kumpanija Mettalform f’Ħal Far u li tipproduċi apparat mediku qed timpjega ħdax-il persuna b’diżabilità, id-doppju tal-ammont mitlub bil-liġi.
Il-kumpanija, li preżentament tħaddem kważi tliet mitt ħaddiem, hi eżempju tajjeb ta’ ħolqien ta’ impjiegi għal persuni b’diżabilità, hekk kif saħansitra taqbeż it-tnejn fil-mija ta’ ħaddiema b’diżabilita’ kif stipulat bil-liġi.
Il-Ministru għax-Xogħol Evarist Bartolo flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Persuni b’Diżabilità, Anthony Agius Decelis, fi żjara li għamlu fil-fabbrika qalu li din il-kumpanija hija waħda eżemplari, minħabba li qed tlaqqa’ s-suċċess ekonomiku ma’ dak soċjali.
Il-Ministru Bartolo qal li ninsabu fi żmien ta’ tkabbir ekonomiku kontinwu li r-rati reġistrati bejn l-2013 u l-2017 kienu rati rekord, b’ żieda ta’ 25,000 ħaddiem u li wassal biex in-numri tal-persuni jirreġistraw għax-xogħol huma fl-aktar livelli baxxi.
Huwa qal li dan seħħ minħabba r-riformi fl-impjiegi, li wasslu għal żieda qawwija fil-ħaddiema nisa. Qal li waqt li l-ammont ta’ rġiel fuq il-post tax-xogħol baqa’ jiżdied, l-ammont ta’ nisa żdied b’mod drastiku.
Is-Segretarju Parlamentari Agius Decelis qal li parti mill-politika ta’ dan il-Gvern tħares lejn l-abbiltajiet ta’ persuni b’diżabilità.
Huwa faħħar lil din il-kumpanija tal-inċentiv tagħhom, waqt li ħeġġeġ kumpaniji oħrajn biex jimxu fuq il-passi ta’ Mettalform.
Intant, id-Direttur Maniġerjali tal-kumpanija Ian Restall, qal li l-kumpanija timpjega wkoll eks priġunieri u anki persuni li kienu dipendenti fuq droga. Żied li qed jara suċċess fl-andament tagħhom fuq ix-xogħol, hekk kif dawn dejjem jaraw li jagħtu l-massimu tagħhom.
Dan fi żmien fejn ir-rata ta’ qgħad li jikkonċernaw persuni b’diżabilità naqqset bin-nofs fuq perjodu ta’ erba’ snin.
Meta mqabbel ma’ Novembru tal-elfejn u tlettax, il-persuni b’diżabilità fuq ir-reġistru tal-qgħad niżlu minn 533 għal 288 persuna. Fl-istess waqt kompla jiżdied In-numru ta’ ħaddiema b’diżabilità attivi fis-suq tax-xogħol.