Il-Kriminologu Saviour Formosa ma jaqbel xejn ma’ waħda mill-ftit proposti li għamel il-Partit Nazzjonalista.
Dik li l-Kummissarju tal-Pulizija jkun maħtur b’żewġ terzi tal-Parlament.
Formosa, Professur tal-Università ta’ Malta, oġġezzjona għal dan f’intervista mat-Times of Malta li matulha tkellem dwar il-bidliet meħtieġa fil-Korp tal-Pulizija. Dan anke wara stħarriġ li sar fost il-membri tal-istess korp.
Għal Formosa l-proposta ta’ Kummissarju maħtur mill-Parlament b’żewġ terzi tkun is-sors għal sensiela ta’ problemi.
“X’jiġri jekk ikollok sitwazzjoni fejn jirriżulta li l-Kummissarju naqas u l-Oppożizzjoni tivvota kontra t-tneħħija tiegħu? Iktar minn hekk l-istess mudell ikollu jkun applikat għall-Forzi Armati wkoll,” qal il-Professur li b’kuntrast tkellem b’mod pożittiv dwar il-proposta tal-amministrazzjoni preżenti li jinħataw Kap Eżekuttiv għall-Korp tal-Pulizija.
Għal dan il-post applikaw dsatax –il persuna u bħalissa għaddej il-proċess li għandu jwassal għall-għażla.
Proċess li fi kliem Formosa għandu jkun segwit b’oħrajn. Partikolarment dak li jneħħi d-dmirijiet amministrattivi minn fuq spallejn il-korp tal-pulizija. Fosthom dawk ta’ riżorsi umani u tmexxija ta’ proġetti. Dan bil-għan li jkun hemm iktar pulizija fl-għases, fit-toroq u fost in-nies minflok imsakkra f’uffiċċju.