“Il-kliem żejjed m’għandux jintqal għax kapaċi jkisser persuna”.
Appell skjett iżda b’saħħtu minn pustiera li ġiet mgħajra bid-dehra tagħha waqt il-ħin tax-xogħol.
Ma’ ONE News, Anthea Bugeja tispjega kif, il-ġimgħa li għaddiet, dik li kellha tkun ġurnata xogħol bħall-oħrajn inbidlet f’ġurnata ta’ biki u dwejjaq, meta kienet qed tqassam l-ittri u l-pakketti, u sabet mara li ttimbrata bħala “ħoxna”.
“Kien hemm ħabiba tiegħi li qiegħda pustiera ġdida fejn kont qed naħdem jiena u introduċejtha mal-persuna li kellha l-pakketti tagħha, u għidtilha, ‘Din il-pustiera ġdida li ġejja’. Qaltli, ‘Aħjar’. Għidtilha, ‘Aħjar għala?’. Qaltli, ‘Għax inti ħoxna u hi rqiqa’. U jien dak il-ħin ksaħt, issummajt. Jekk dejjem tajtek ix-xogħol – irrelevanti twil, qasir, oħxon, irqiq – mhux se tagħmel differenza lilek. Tiġġudikani kif naħdem u mhux kif nidher.”
Fis-sena li ilha taħdem bħala pustiera, Anthea tistqarr li dejjem għamlet xogħolha sew, u qatt ma kellha għalfejn tiġi ġġudikata fuq id-dehra tagħha.
“Kemm jista’ jkun, il-kliem żejjed ma jintqalx. Mhux kemm jista’ jkun, ma jintqalx, ma jridx jintqal. Għax bniedem jaf kelma ttellgħu u kelma tniżżlu.”
Hija marret fuq il-midja soċjali biex tappella għal aktar sensittività u tefgħet filmat li malajr beda jinxtered u ġab ir-reazzjoni ta’ bosta, li empatizzaw mal-mara u qablu mal-appell tagħha.
“Lanqas temmen, nista’ nurik, għandi l-Messenger mifqugħ bil-messaġġi, kulħadd jagħti l-esperjenza tiegħu, li hija ħasra għax il-paroli fil-vojt m’għandux jintqal in the first place. Irrelevanti kif tidher, jekk aħniex bojod, kulur differenti, m’għandha tagħmel l-ebda differenza kif tidher jekk bniedem jagħmel ħiltu u xogħlu.”