Il-pożizzjoni ġeografika ta’ Malta tfisser relazzjoni ta’ snin twal ma’ pajjiżi Għarab. Nistgħu mmorru lura fis-snin għal meta Malta kellha ħakkiema Għarab, jew nistgħu mmorru lura ftit deċennji biss meta mexxejja Maltin rabbew relazzjonijiet tajba ma’ mexxejja ta’ pajjiżi ġirien bħal-Libja. Iżda, dan ma kienx biżżejjed biex il-Maltin inaqqsu l-antipatija tagħhom lejn persuni ġejjin minn dan il-grupp etniku: l-iktar grupp li jdejjaq lill-Maltin skont riċerka li saret u li fl-aħħar jiem kienet diskussa fl-Università ta’ Malta.
Tkellimna ma’ Gordon Sammut, wieħed mir-riċerkaturi ewlenin tal-istudju li wera kemm il-Maltin għandhom problema bl-integrazzjoni.
Sammut fakkar kif l-istudju ta’ relazzjonijiet interkulturali ilu għaddej madwar 40 sena. “F’dan l-istudju xtaqna ninvestigaw liema forma ta’ dawn ir-relazzjonijiet joffri l-aħjar prospettivi meta wieħed iħares lejhom b’mod globali, irrispettivament minn ċirkustanzi partikolari li jeżistu f’soċjetajiet partikolari,” qal Sammut li fisser kif meta qabbel is-sitwazzjoni f’pajjiżi oħra ma’ dik f’Malta rriżultat sitwazzjoni anomala. “Dak li jaħdem fejn tidħol l-integrazzjoni bejn kulturi differenti f’soċjetajiet oħra jidher li f’Malta ma jaħdimx bl-istess mod,” qal Sammut li tkellem dwar kif l-antipatija lejn l-Għarab fostna mhux ġejja biss mill-Maltin.
“Jidher li hawn diversità ta’ opinjonijiet dwar l-Għarab. Jidher ukoll li l-antipatija lejn l-Għarab hija diffuża f’Malta, fost il-Maltin kif ukoll fost immigranti oħra, u li din l-antipatija ġeneralizzata hija problematika għall-integrazzjoni ta’ din il-komunità,” ikompli Sammut li meta mistoqsi xi jwassal għal dan jgħid li hemm diversi fatturi. Kif mistennija, fosthom hemm l-Iżlam.
“L-Iżlam huwa wieħed minnhom. Jidher iżda li l-Maltin, bħall-pajjiżi oħrajn Ewropej, għandhom l-ideat tagħhom ta’ x’inhu Iżlam u huma dawn l-ideat li għandhom konsegwenza iktar milli l-apprezzament vera tar-reliġjon fiha nnifisha u fit-tajjeb u l-ħażin kollu tagħha.”
Mistoqsi jekk dawk li ħadu sehem fl-istħarriġ irrikonoxxewx li f’Malta dejjem kien hawn komunità Għarbija, Sammut wieġeb li iva.
“Iva, hemm rikonoxximent li l-komunità Għarbija f’Malta ilha magħna għal snin twal u li kienet strumentali għal relazzjoniet ta’ negozju u saħansitra relazzjoniet pożittivi bejn Malta u l-pajjiżi Għarab ġirien tagħna. Dan wassal biex numru ta’ parteċipanti kkonsidraw li Malta potenzjalment hija prova ta’ kif il-komunitajiet Għarab jistgħu veru jintegraw f’pajjiżi Ewropej. Naturalment, dawk li jopponu l-integrazzjoni tal-Għarab ma għamlux referenza għal dan l-aspett tal-komunità Għarbija f’Malta,” żied jgħid ir-riċerkatur.
Mir-riċerka rriżulta li f’dan il-każ mhix kwistjoni ta’ klassi soċjali. Għax anke jekk fostna hawn Għarab, partikolarment Libjani, li jgħixu f’appartamenti lussużi bħal Tigné Point u jibagħtu ’l uliedhom fl-iktar skejjel rinomati, din ma tantx tagħmel differenza.
Sammut jitkellem dwar konklużjoni ċara.
“Skont il-parteċipanti, sinjuri jew le, l-Għarab ġew imrobbija f’soċjetajiet u kulturi korrotti u allura s’hemm jafu. Kien hemm min qal li Għarab sinjuri fil-fatt agħar għaliex jistgħu jkunu arroganti,” jispjega Sammut. Naturalment ma naqsitx referenza lejn is-sitwazzjoni fil-Libja. Jirriżulta li din qed tħalli impatt f’moħħ ħafna Maltin.
“Meta l-Maltin tkellmu dwar l-Għarab, għamlu dan b’referenza għal-Libja. Il-pajjiżi Għarab huma differenti ħafna wieħed mill-ieħor u mhux kollha huma mmexxija bl-istess mod. Il-Maltin, kif ukoll l-Ewropej, ġeneralment jikkonsidraw lill-Għarab bħala kollha xorta u dak li l-Maltin jirrapportaw fuq l-Għarab bħala Libjani (donnu kollha l-istess) hu simili għal dak li Ewropej oħra jirrapportaw fuq Għarab mill-Marokk, jew mil-Lvant Nofsani, jew saħansitra Iranjani u Torok, li mhuma Għarab xejn. Dan jindika li l-għarfien li jeżisti dwar l-Għarab mhuwiex tant ibbażat fuq esperjenzi reali iżda fuq impressjonijiet li wieħed jieħu minn sorsi oħrajn, pereżempju mill-midja ta’ pajjiżi oħra li tkun qed tiddiskuti Għarab differenti, li l-Maltin jaċċettaw xorta għax kollox jaqa’ taħt l-istess kappa,” jirrimarka Sammut. Ifiehem li l-iktar ħaġa li ddejjaq lill-Maltin huwa l-fatt li jaraw li l-mara Għarbija ma tiswa xejn u li l-inugwaljanza bejn is-sessi ma teżistix.
Mitlub jgħid kif l-istudju tiegħu u ta’ riċerkaturi oħra jista’ jservi għal soluzzjonijiet, Sammut qal li dan l-istudju m’għandux l-għan li jipproponi metodi biex ikollna integrazzjoni fejn m’hemmx.
“Jidher li fis-16-il pajjiż l-ieħor li studjajna, l-integrazzjoni toffri l-aħjar riżultati. F’Malta, ma kellniex riżultati pożittivi ħlief li dawk il-Maltin li jirrapportaw kuntatt ma’ barranin li għamlu ħbieb magħhom huma aktar miftuħin għall-integrazzjoni. Is-sitwazzjoni anomala ta’ Malta titlob studji ffukati speċifikament fuq Malta għaliex dak li jidher li qiegħed jaħdem f’pajjiżi oħra mhux jaħdem bl-istess mod hawnhekk. Allura għandna bżonn insibu soluzzjonijiet partikolari għalina,” jgħid Sammut.
Iżda jgħid li s-sitwazzjoni mhux l-iktar pożittiva.
“Jiddependi fuq il-każ u fuq il-gruppi partikolari. Mhux l-immigranti kollha jixtiequ jintegraw – ċerti immigranti jippreferu jħallu art twelidhom warajhom, jippruvaw jinsew minn xiex għaddew u jużaw l-immigrazzjoni biex jibdew mill-ġdid. Fi kliem ieħor, jixtiequ jassimilaw, u f’dawn il-każijiet l-assimilazzjoni taħdem tajjeb. Li jidher li ma jaħdimx tajjeb hu meta individwi jiġu sfurzati naħa jew oħra irrispettivament mill-identità u mix-xewqat tagħhom, kemm jekk hi integrazzjoni kif ukoll assimilazzjoni,” jgħid Sammut li jagħmilha konklużjoni ċara.
“Jidher li s-sitwazzjoni f’Malta mhijiex pożittiva u li jeżistu l-kundizzjonijiet li jwasslu għal kunflitt bejn gruppi differenti f’Malta. Jekk l-affarijiet jitħallew għaddejjin waħedhom, hemm iktar ċans li s-sitwazzjoni tmur għall-agħar milli għall-aħjar. Proporzjon żgħir ħafna ta’ estremisti fuq iż-żewġ naħat tad-dibattitu jistgħu, jekk jiġġieldu, jagħmlu l-ħajja tal-kumplament miżerabbli għax il-kunflitt jitwettaq ukoll f’pajjiżna. Kemm jekk dan huwa mixtieq u kemm jekk le, is-sitwazzjoni titlob l-akbar serjetà għaliex atti ta’ mġiba żgħar jista’ jkollhom konsegwenzi kbar fiċ-ċirkostanzi li qiegħda fihom Malta,” temm jgħid Sammut.