Albert Mamo, eks Kummissarju tal-Artijiet, xehed fi proċess il-Qorti li meta sar jaf bil-ftehim li wassal biex tneħħew il-kundizzjonijiet fuq l-art tal-Lowenbrau kien se jiġġennen. Id-deal tant kien illegali li fil-kawża bejn tal-Marsovin u Żaren Vassallo, Mamo xehed: “Meta sirt naf b’dan il-kuntratt jien iġġennint, jien għidt se mmur il-ħabs fuq dan.”
Fix-xhieda tiegħu, li kienet ippubblikata mill-Ministru Owen Bonnici f’konferenza tal-aħbarijiet, Mamo qal li l-kundizzjonijiet ma setgħux jitneħħew kif tneħħew. Mamo qal li mhux biss il-kuntratt sar mingħajr ma kien jaf hu iżda min approvah, ċertu Alfred Bezzina li kien Direttur Ġenerali, ma kien jifhem xejn.
“Dan ma kien jifhem xejn. Lanqas kien jaf jiddistingwixxi kirja minn ċens per eżempju, permess minn kirja, ma kien jaf xejn,” xehed Mamo fl-istess proċess.
Id-Deputat Clifton Grima nnota kif qabel sar dan kollu tal-Marsovin kienu kellmu lill-Ministru u nies fid-Dipartiment tal-Artijiet biex imbagħad assiguraw li kien kollox sew. Dan xehdu wkoll Żaren Vassallo li qal li ma kienx lest jakkwista l-art mingħajr ma jitneħħew il-kundizzjonijiet għaliex hu ma kienx interessat li jagħmel il-birra.
Il-kundizzjonijiet tneħħew u Vassallo akkwista l-art. Kien meta Mamo nduna b’dan kollu li lil Vassallo talbuh iħallas iktar b’Żaren Vassallo jiżvela iktar tard li għal darb oħra kien involut Ministru. Din id-darba kellmu hu u wiegħdu li se jintlaħaq kompromess.
F’konferenza tal-aħbarijiet Owen Bonnici insista kemm dan kollu jżid il-piż fuq Jason Azzopardi li kien responsabbli mid-Dipartiment tal-Artijiet.
Xi ħaġa li nnota wkoll id-deputat Clifton Grima li qal kif l-Oppożizzjoni m’għandiex kredibbilta meta titkellem fuq governanza.