“Ma nistgħux nibqgħu b’dawk il-boroż barra l-ħin kollu.” Kien dan il-kliem li għażel is-Sindku Nazzjonalista ta’ Tas-Sliema, John Pillow, ftit sigħat wara li f’rekording esklussiv li żvela dan l-istazzjon, talab lir-residenti biex jieħdu paċenzja bl-iskart.
Dan għax kien se jżommu hemm apposta, għax ried li jidher ħafna ħmieġ f’konferenza tal-aħbarijiet li kien se jagħmel ma’ żewġ sindki oħrajn tal-Partit Nazzjonalista.
Fir-rekording, li ġie żvelat ONE News it-Tnejn filgħaxija, Pillow jinstema’ jgħid li hu stess ħa ritratt tal-ħmieġ li nħareġ ħażin u m’għamel xejn dwaru, għax kien qed jitlob li jkun għadu hemm għax kien se jsejjaħ lill-midja.
Fil-fatt, la aġixxa bħala Sindku u lanqas informa lil xi awtoritajiet oħrajn. Għax f’moħħu kellu biss li, fil-konferenza tal-Partit, juri ħafna ħmieġ kif qalulu mid-Dar Ċentrali.
Pillow qal hekk…
“Today there will be a press call organized between Sliema, St Julians, Swieqi Local Councils. We are going round with the press to see this kind of garbage.”
– Ilum se jkun hemm sejħa għall-istampa organizzata bejn il-Kunsilli Lokali ta’ Tas-Sliema, San Ġiljan u s-Swieqi. Se mmorru nduru mal-midja biex naraw dan it-tip ta’ skart.
Din il-konferenza tal-aħbarijiet tassew kienet saret fid-9 t’Awwissu mill-Partit Nazzjonalista u għaliha attendew is-Sindki tal-lokalitajiet imsemmijin minnu. Mhux magħruf jekk dak li ġara f’Tas-Sliema seħħx ukoll f’San Ġiljan u s-Swieqi jew lokalitajiet oħrajn immexxijin mill-Partit Nazzjonalista.
Pillow qal li kien hu li ried li ż-żibel ikun hemm, għax ried li s-sitwazzjoni tidher ħażina ħafna.
“Yes I wanted it to be there, because I wanted it to look so bad.”
– “Iva ridt li l-ħmieġ ikun hemm, għax ridt li s-sitwazzjoni tidher ħażin ħafna.”
Iżda ftit sigħat wara fl-istess konferenza tal-aħbarijiet tal-Partit Nazzjonalista, b’ton differenti għal kollox minn dak fir-rekordings, ovvjament, għax kien hemm il-kameras tal-midja quddiemu, Pillow infexx igerger fuq is-sitwazzjoni tal-iskart.
Dan anke jekk ftit qabel ikkontribwixxa hu stess għal din is-sitwazzjoni biex juri ħafna ħmieġ.
Huwa qal, “Ma nistgħux nibqgħu b’dawk il-boroż barra l-ħin kollu.”
Saħansitra gerger li mhemmx biżżejjed inforzar, anke jekk hu bħala s-Sindku tal-lokalità żamm l-iskart barra apposta.
Huwa qal, “Ma rridx noqgħod inparla fil-vojt, the solution is enforcement.”
kompla jgħid, “Qas ħaqq inkompli inparla, nerġa’ ngħid enforcement.”
Gerger ukoll li l-iskart, li żamm barra hu stess, kien se jibqa’ mitluq fl-art sal-ġabra li kien imiss tal-borża s-sewda tlett ijiem wara.
Huwa qal, “Ilbieraħ kellna l-ġabra tal-borża s-sewda, dalgħodu fejn waqafna rajnihom l-boroż is-suwed, eċċ., dawk jibqgħu hemmhekk sas-Sibt.”
Gidba oħra mis-Sindku Nazzjonalista kienet, għax fl-istess recording li żvela ONE News, qal li l-ħmieġ li tħalla hemm kien imbagħad se jnaddfu eżatt wara li jkunu telqu l-ġurnalisti u lil min kien qed ikellem qallu biex iżomm kollox għalih.
John Pillow qal, “The press call is done and the tour where there are garbage like this will be cleared. Keep this for yourself please.”
– “Titlesta s-sejħa għall-istampa u ssir ronda biex fejn hemm skart hekk jinġabar. Żommha għalik din jekk jogħġbok.”