Sebgħa u tmenin fil-mija tal-ħaddiema tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma se jgawdu minn titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol, grazzi għal ftehim kollettiv ġdid iffirmat mal-General Workers’ Union.
Fost l-oħrajn, dan il-ftehim se jgħin lill-ħaddiema jilħqu bilanċ bejn il-ħajja personali u dik professjonali.
Il-ħaddiema se jgawdu wkoll minn tisħiħ fil-pakkett finanzjarju u se jkomplu jibbenifikaw mill-għażla li jaħdmu mid-dar permezz tat-teleworking.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Korporazzjoni, Ivan Falzon qal li dan il-ftehim joffri sens ta’ serħan il-moħħ lill-ħaddiema.
Qal kif, “Dan il-ftehim se jkun qed joffri stabbiltà lill-korporazzjoni fit-twettiq tal-business plan ambizzjuż tagħha. Pjan għat-tliet snin li ġejjin u ftehim kollettiv li jpoġġi lill-ħaddiema fiċ-ċentru tas-suċċess tal-korporazzjoni.”
Is-Segretarju tal-General Workers Union, Kendrik Bondin sostna li dan il-ftehim mhux talli jsaħħaħ id-drittijiet tal-ħaddiema imma jassigura wkoll servizzi aħjar għall-konsumaturi f’pajjiżna.
Spjega li, “Ħriġna pakkett li se jgħin lill-korporazzjoni tissaħħaħ u ssaħħaħ id-drittijiet u d-dmirijiet tal-ħaddiema ġewwa dil-entità li fl-aħħar mill-aħħar se jgħin biex ikollna servizzi aħjar tal-ilma ġewwa pajjiżna għaċ-ċittadini kollha”
Preżenti għal dan l-iffirmar kien hemm ukoll il-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Miriam Dalli, li rrimarkat kif dan il-ftehim ġie ffirmat f’pandemija, meta miljuni ta’ ħaddiema madwar id-dinja jinsabu mħassba dwar il-futur tal-impjieg tagħhom.
Qalet li, “Il-Koprorazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma qiegħda tirrikonoxxi l-ħidma tal-ħaddiema tagħha billi anke toffrilhom stabbiltà għaliex il-ftehim kollettiv li ġie ffirmat huwa għal sitt snin sħaħ. Aħna nemmnu fil-ħaddiema tal-korporazzjoni u permess ta’ dan il-ftehim irridu naċċertaw ruħna li l-ħidma tagħhom tiġi rikonoxxuta.”