Żewġ Somali li kienu nvoluti f’argument fi Triq San Ġorġ f’San Ġiljan, qed isofru minn ġrieħi gravi.
Il-każ seħħ ilbieraħ għall-ħabta tat-8:30 ta’ filgħaxija meta wieħed mill-irġiel irrapporta fl-għassa tal-Pulizija ta’ San Ġiljan bi ġrieħi f’għonqu u li kien involut f’argument ma’ raġel ieħor.
Irriżulta li r-raġel ta’ 28 sena li joqgħod il-Fgura sofra xi ġrieħi b’arma li taqta’ u bil-ponta waqt argument ma’ raġel ieħor ta’ 45 sena li jgħix iż-Żebbuġ Għawdex, li wkoll sofra xi ġrieħi fl-argument.
Iż-żewġt irġiel ittieħdu l-Isptar Mater Dei għall-kura, fejn ġew iċċertifikati li qed isofru minn ġrieħi gravi.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.