Filippin ta’ 37 sena li joqgħod il-Qrendi ġarrab ġrieħi gravi wara li waqa’ minn fuq bejt ta’ residenza li tinsab fi Triq il-Buttar f’Santa Venera.
Il-każ seħħ għall-ħabta tal-11:30 tal-Ħadd. Minn stħarriġ tal-Pulizija jidher li r-raġel issakkar ġo residenza u prova joħroġ billi tela’ fuq il-bejt. Huwa tilef il-bilanċ u konsegwenza t’hekk, ir-raġel waqa’ għall-isfel.
Fuq il-post isejħet l-assistenza ta’ tim mediku, li aktar tard ħa lir-raġel l-isptar Mater Dei għal aktar kura.
L-investigazzjonijiet dwar dan il-każ għadhom għaddejjin mill-Pulizija tad-Distrett.