Raġel ġarrab ġrieħi gravi wara li ntlaqat minn vettura f’Ħal Lija
L-inċident seħħ ilbieraħ filgħaxija, għall-ħabta tal-għaxra fi Triq il-Mosta, Ħal Lija.
Il-Pulizija mill-Għassa ta’ Birkirkara marru immedjatament fuq il-post u mill-ewwel stħarriġ li sar, irriżulta li raġel ta’ 67 sena, residenti Ħal Lija stess, għal xi raġuni, safa milqut minn vettura tat-tip Honda Civic li kienet qiegħda tinstaq minn raġel ta’ 51 sena li joqgħod il-Mosta.
Fuq il-post issejħet ambulanza li ħadet lir-raġel ta’ 67 sena l-Isptar Mater Dei għall-kura, fejn iktar tard ġie iċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi gravi.
L-investigazzjoni tal-Pulizija dwar dan l-inċident għadha għaddejja.