Qed ikunu iffinalizzati l-aħħar preparamenti biex tinħareġ is-sejħa internazzjonali għal min hu interessat imexxi ċentru ta’ loġistika fuq sit li ġie iddentifikat f’Ħal-Far.
F’dan ir-rigward qed isiru konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati, mhux l-inqas issa wkoll ma’ sezzjoni ġdida fi ħdan il-Kamra tal-Kummerċ.
Dan tħabbar meta l-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar Chris Cardona kellu laqgħa mal-ewwel Logistics Business Committee mmexxi mill-President Robert Aquilina, li twaqqaf fi ħdan il-Kamra tal-Kummerċ, l-Intrapriża u l-Industrija.
Intqal li l-viżjoni tal-Gvern f’dan is-settur mhijiex limitata biss għal dan iċ-ċentru tal-loġistika, iżda testendi għall-inizjattivi oħrajn.
Il-Malta Enterprise filfatt għaddejja b’diskussjonjiet biex ikunu identifikati siti oħrajn li jistgħu jservu għal dan l-iskop, ħalli fi żmien li ġej pajjiżna jkun trasformat ukoll f’ċentru tal-loġistika fil-Mediterran.
Il-Ministru esprima s-sodisfazzjon tal-Gvern għall-inizjattiva tal-Kamra tal-Kummerċ, li stabbilixxit sezzjoni ġdida iffukata fuq is-settur tal-loġistika. It-twaqqif ta’ din is-sezzjoni tikkonferma r-relazzjoni tajba li teżisti bejn il-Kamra tal-Kummerċ u l-Gvern hekk kif it-tnejn irrikonnoxxew kif is-settur tal-loġistika huwa wieħed li jrid jingħata l-attenzjoni mistħoqqa f’pajjiżna.
Il-Ministru Cardona qal kif l-Gvern flimkien mal-Malta Enterprise, qed iħares ’l quddiem biex jikkollaboraw mal-Kamra tal-Kummerċ, ħalli jassiguraw li din il-vizjoni komuni ssir realtà. Hekk kif pajjiżna qed jikseb riżultati ekonomiċi bla preċident, il-Gvern kommess li jkompli jsostni dan it-tkabbir ekonomiku b’ħarsa lejn dan is-settur, flimkien mal-edukazzjoni u l-life sciences. Il-Ministru Cardona qal li bl-istess mod kif kien attirat investiment fi proġetti bħal American University of Malta u l-Barts Medical School, dan is-settur mistenni jħajjar investiment sinifikanti għall-pajjiżna.