Raġel ta’ nazzjonalità Franċiża, li għandu residenza fis-Swieqi, bħalissa qed jitqies bħala mitluf wara li lbieraħ filgħaxija hu flimkien ma’ erba’ persuni oħra qabżu l-baħar minn fuq dgħajsa tad-divertiment qrib tas-Sliema biex jgħumu.
L-inċident seħħ għall-ħabta tan-00:25 ta’ dalgħodu meta għall-ewwel b’kollox kien hemm ħames persuni meqjusa nieqsa hekk kif dawn ma setgħux jintlemħu fil-baħar. L-etajiet tagħhom ivarjaw bejn 19 u 20 sena.
Wara tfittxija li bdiet tul il-lejl, tliet persuni ttellgħu mix-Xatt ta’ Tas-Sliema filwaqt li persuna minnhom tela’ waħdu minn San Ġiljan.
Il-Forzi Armati ta’ Malta bħalissa għaddejja bil-ħidma biex jinstab ir-raġel l-ieħor li għadu meqjus bħala nieqes. It-tfittxija bħalissa qed issir kemm bil-Melita u kif ukoll bil-ħelikopter fejn bdiet minn Tigne u issa qed tkompli mal-Kosta tat-Tramuntana ta’ Malta. Iktar ma jgħaddi l-ħin, iż-żona ta’ tfittxija iktar qed tikber.