Bernard Grech sostna li l-proposta tal-liberalizzazzjoni tas-suq fid-distribuzzjoni tal-elettriku hi l-aktar waħda b’saħħitha. B’dan, kif diġà ġie spjegat, ifisser li l-Partit Nazzjonalista jrid jgħolli l-kontijiet tad-dawl għall-familji u n-negozji.
Waqt intervista ta’ ftit inqas minn nofs siegħa, il-Kap Nazzjonalista, Bernard Grech qal hekk.
Qal, “Tkellimna fuq xi ħaġa importanti ħafna, tkellimna fuq il-liberalizzazzjoni tad-distribuzzjoni tal-elettriku.”
Grech kompla jsostni dan, minkejja li kien hemm furur dwar din il-proposta, li se twassal mhux biss biex jiġi pperikola x-xogħol tal-ħaddiema tal-Enemalta, iżda anke li l-familji jispiċċaw iħallsu kontijiet ogħla.
Qal, “Nemmnu fiha aħna.”
Fost dawk li rreaġixxew għal din il-proposta tal-Partit Nazzjonalista, fejn il-piż irid jintrefa’ mill-konsumaturi lokali, kien hemm l-organizzazzjoni Żminijietna Leħen ix-Xellug, li qalet din toħloq problemi għall-affordabilità u s-sigurtà tal-enerġija.
Għal darb’oħra, anke waqt din l-intervista fuq l-istazzjon tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech naqas milli jsemmi l-costings ta’ dak li qed jipproponi.
Il-Ġimgħa, meta kien mistoqsi għal aktar minn darba mill-ġurnalist ta’ ONE News, Bernard Grech ħarab milli jwieġeb kemm se jiswew tali proposti. L-istess għamel il-Kelliem għall-Enerġija tal-Oppożizzjoni, Mark Anthony Sammut.
ĠURNALIST: “Dr Grech, semmejtu dawn il-punti, fejn huma l-costings? Kemm se jiswew lill-pajjiż?”
BERNARD GRECH: “Grazzi ħafna. Proprju din id-domanda, kont qed nistenniha għax is-soltu l-ONE m’għandhomx aktar domandi xi jsaqsu. Ħa nispjegalkom jien xi tfisser li jkollok pjan serju bħalma aħna għandna hawnhekk.”
ĠURNALIST: “Dr Grech, għadek ma weġibtniex. Bqajt taħrab mid-domanda.”
BERNARD GRECH: “Grazzi ħafna.”
ĠURNALIST: “Ċifra ma tajtniex. Forsi taf inti, Onorevoli Sammut, kelliem għall-enerġija.”
MARK ANTHONY SAMMUT: “Kemm hemm bżonn.”
ĠURNALIST: “Imma ma tafx kemm s’issa?”
Fl-intervista fuq l-istazzjon Nazzjonalista l-Ħadd filgħodu, Bernard Grech reġa’ semma l-passat u qal li fi żmien GonziPN, pajjiżna kellu pjan dwar l-enerġija.
Qal, “Kellna pjan meta aħna konna fil-Gvern.”
Dan meta l-pjan tal-Partit Nazzjonalista fil-qasam tal-enerġija kien dak ta’ kontijiet ogħla “bil-qalb” għall-familji u n-negozji, powerstation li taħdem bil-heavy fuel oil, l-aktar żejt li jniġġes, u b’Enemalta falluta, tant li kienu lesti jgħadduha prattikament b’xejn lil min fil-privat jitħajjar jeħodha f’idejh.
Fl-aħħar ħarġa tagħha, il-gazzetta KullĦadd ukoll elenkat kif sal-2013 kien hemm mal-1,100 darba fejn inqata’ d-dawl, b’erba’ blackouts mal-pajjiż kollu f’sena u nofs, tant li l-imsieħba soċjali kienu jiddeskrivuha bħala tat-Tielet Dinja.