Fl-aħħar sigħat, fiequ sebgħa u sebgħin persuna oħra mill-Coronavirus f’pajjiżna u feġġew mija u wieħed u disgħin każ minn fost tlett elef, sitt mija u disgħa u tletin test.
Dan ifisser li ħamsa u disgħin fil-mija tat-testijiet li saru ġew negattivi, u ħamsa fil-mija ġew pożittivi.
Sa issa, fiċ-ċentri ta’ ttestjar f’pajjiżna saru aktar minn ħames mija u sitta u tletin elf test.
Fil-bulettin mediku ta’ kull nhar ta’ Ġimgħa, is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci, qalet li miexi sew il-pjan ta’ tilqim, li fiċ-ċentru tiegħu hemm il-persuni vulnerabbli u dawk li jaħdmu fl-isptarijiet.
Mill-ġimgħa d-dieħla, l-anzjani kollha fil-komunità li għandhom aktar minn ħamsa u tmenin sena se jirċievu stedina biex jitlaqqmu kontra l-COVID-19.
Anzjani li għandhom problema ta’ mobilità, u huma msieħba mal-CommCare, mhux se jirċievu l-istedina l-ġimgħa d-dieħla għax se jkunu qed jitlaqqmu f’darhom minn tim apposta li se jikkomunika magħhom fil-ġranet li ġejjin.
Il-Professur Gauci saħqet fuq l-importanza li jinżamm il-ħin tal-appuntament, kemm tal-ewwel doża kif ukoll tat-tieni doża, għaliex jekk dak li jkun ma jmurx meta indikat fl-istedina, jitlef it-tilqima u ma jerġax isirlu appuntament.
“Dan il-vaċċin mixtri mill-Gvern Malti, spejjeż tal-Gvern Malti, kulħadd ħa jieħu din il-vaccine b’xejn u kulħadd ħa jkun imlaqqam skont il-prijoritajiet tal-gruppi ta’ meta aħna nkunu qed nibagħtu għalikom. Minn hawn nappella, diġà ħarġu diversi twissijiet mill-awtoritajiet regolatorji tal-Ewropa, tippruvawx tixtru vaccine minn fuq l-internet għaliex dawk mhumiex vaccines tal-COVID safe. L-unika vaccine li għandek tieħu tal-COVID hija minn dik li qed jagħtik il-Gvern.”
Iż-żieda fin-numru ta’ infezzjonijiet fl-aħħar jiem – li l-maġġoranza tagħhom huma persuni li għandhom bejn ħamsa u għoxrin u erbgħa u tletin sena – tirrifletti ċ-ċelebrazzjonijiet li saru fi żmien il-festi, u f’dan il-kuntest, in-numri matul il-ġimgħa d-dieħla mistennija jonqsu.
Appellat ukoll lill-ġenituri biex ilaqqmu lit-tfal tagħhom għall-influwenza u saħqet li l-kontrolli fl-ajruport għadhom għaddejjin.