Fl-aħħar 24 siegħa fiequ 70 persuna oħra mill-Covid-19 f’pajjiżna filwaqt li feġġew 31 każ minn fost 2,545 test.
Dan ifisser li 98.8% tat-testijiet li saru ġew negattivi, filwaqt li 1.2% biss irriżultaw fil-pożittiv.
Fl-aġġornament ta’ kull ġimgħa dwar is-sitwazzjoni tal-Covid-19 f’pajjiżna, is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci spjegat li hemm 6 persuni rikoverati fit-Taqsima tal-Mard Infettiv, 8 persuni fi swali fl-Isptar Mater Dei, 4 persuni fit-Taqsima tal-Kura Intensiva, 12-il persuna fl-Isptar Boffa, 4 persuni fl-isptar St Thomas u 3 persuni fl-Isptar Monte Karmeli.
Dwar il-każijiet pożittivi fid-djar tal-anzjani, il-Professur Charmaine Gauci spjegat li t-totall ta’ każijiet f’dawn id-djar naqsu.
Il-Professur Gauci stqarret, “F’dawk l-aħħar ġranet rajna li t-totall ta’ każijiet mid-Djar tal-Anzjani issa naqas propju imma għaliex għandna djar fejn kellna numru minnhom li propju kienu pożittivi u aħna bqajna nittestjar anke permezz ta’ cohorting ta’ dawk il-każijiet li kienu pożittivi u dawk li ma kienux.”
Il-Professur Gauci spjegat ukoll kif persuna li laqqtet il-virus, wara mewtha rriżultat pożittiva għall-Covid-19 minkejja li qabel ittestjat fin-negattiv.
“Jista’ jkollok żewġ scenarios. Jew persuna jkollu reocurrence tal-virus jew inkella l-persuna jkun seta’ iltaqa’ mal-virus darb’oħra u allura hemmek ikollok dik li jgħidulu reinfection.” Stqarret is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika.
Fil-fatt il-Professur Gauci spjegat li bħalissa l-Awtoritajiet tas-saħħa qed jinvestigaw 4 każijiet simili.
Dwar l-app CovidAlert Malta, il-Professur Charmaine Gauci spjegat li kien hemm aktar minn 59,000 persuna li niżlu din l-app. Fil-fatt 6 persuni rriżultaw pożittivi grazzi għal notifika minn din il-pjattaforma.
B’hekk sostniet l-importanza li aktar nies iniżżlu din l-app sabiex taħdem b’mod aktar effiċjenti.
Semmiet li minn fost ftit aktar minn sitt mitt test fuq passiġġieri fl-ajruport, ġejjin minn pajjiżi fil-lista, oranġjo, inqabdu tnax-il każ pożittiv għall-Coronavirus.
Qalet li l-lista ta’ pajjiżi baqgħet l-istess.