Fl-aħħar sigħat fiequ 55 persuna mill-Covid-19 filwaqt li feġġew 121 każ.
Qalet dan is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci waqt l-aġġornament ta’ kull nhar ta’ Ġimgħa hekk kif spjegat li saru 2,685 test.
Dan ifisser li 95.5% tat-testijiet ġew negattivi filwaqt li 4.5% rriżultaw fil-pożittiv.
In-numru ta’ testijiet li saru sa issa f’pajjiżna tela’ għal 311,475.
Il-Professur Gauci spjegat ukoll kif sa issa f’pajjiżna fiequ 3,439 persuna mill-Covid-19.
Dwar is-sitwazzjoni fl-isptarijiet Maltin, il-Professur Gauci spjegat li hemm 12-il persuna fit-Taqsima ta’ Kura Intensiva, 50 persuna fit-Taqsima tal-Mard Infettiv, 22 persuna fi swali attrezzati għall-Covid-19 f’Mater Dei, 25 persuna fl-Isptar Boffa, 16-il persuna fl-isptar St. Thomas, persuna fl-isptar Karen Grech u persuna oħra fl-isptar Monte Karmeli.
Dwar is-sitwazzjoni f’Għawdex il-Professur Gauci spjegat li hemm 44 persuna infettati bil-Covid-19.
Fl-ajruport internazzjonali ta’ Malta 1,305 persuna ġew ttestjati għall-virus minn pajjiżi fuq il-lista oranġo. Minn dawn irriżultaw 43 każijiet pożittivi.
L-iktar età li ġiet affetwata mill-virus din il-ġimgħa hija bejn 25 u 34 sena b’ħafna minnhom ġejjin minn fuq il-postijiet tax-xogħol.
Il-Professur Gauci spjegat ukoll li żdiedet it-talba għall-ittestjar hekk kif hemm numru kbir ta’ nies li qed jirrikorru għat-testijiet minkejja li kienu f’riskju żgħir li laqqtu l-virus.
Il-Professur Charmaine Gauci semmiet riżultati notevoli mill-Covid App: “Propju kellna uptake tajjeb ħafna, kellna 78,189 downloads jiġifieri dan ifisser li kellna aktar minn 16% tal-popolazzjoni tagħna li huma propju eliġibbli jkollhom mobile phone u downloadjawha u kellna 129 positive cases li daħlu l-code u kellna nies li qegħdin iċemplu u jgħidulna li huma rċevew dan l-alert.”