54 persuna oħra fiequ mill-Covid-19 fl-aħħar 24 siegħa, u 31 persuna rriżultaw fil-pożittiv għal dan il-virus minn total ta’ 2,135 test. Dan ħareġ minn aġġornament ieħor dwar l-imxija f’Malta li tat is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci.
44 minn dawk li fiequ fl-aħħar 24 siegħa kienu immigranti li ddaħħlu Malta u rriżultaw fil-pożittiv.
Bħalissa ħames persuni qed jinżammu fit-Taqsima tal-Mard Infettiv fl-Isptar Mater Dei, tlieta fit-Taqsima tal-Kura Intensiva, 16-il persuna fl-Isptar Boffa, u 13-il persuna fl-Isptar St.Thomas. Hemm ukoll tmien pazjenti li qed jinżammu fl-isptar Monte Karmeli. Il-maġġoranza assoluta tal-persuni infettati bil-virus jinsabu f’qagħda tajba u jinsabu jirkupraw id-dar minħabba li jew m’għandhomx sintomi jew għandhom sintomi ħfief. Ikkonfermat ukoll li l-grupp ta’ infezzjonijiet minn festin li kien sar f’lukanda ewlenija, issa jidher li hu magħluq.
Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika irreferiet għar-rata qawwija ta’ testijiet u kif dawk li jkollhom is-sintomi qed jingħataw appuntament tat-test f’temp ta’ 24 siegħa. Hawnhekk tat spjegazzjoni ċara għalfejn l-awtoritajiet ma bdewx bl-ittestjar fuq turisti li jkunu għadhom kif niżlu Malta mal-ewwel:
“Ma bdejniex mal-ewwel fuq l-ittestjar tat-turisti għaliex irid ikollok l-għodda apposta li jagħtuk riżultat kmieni ħafna. Bħalissa r-riżultati li kellna, ħarġu wara xi sitt sigħat, u loġistikament kienet tkun aktar diffiċli. Imma ridna naraw ukoll kemm din tista’ tagħtina riżultati.”
Il-Professur Gauci qalet li Malta hija t-tielet l-aktar pajjiż li jwettaq testijiet, u dan se jkun assigurat aktar bil-ftuħ ta’ żewġ ċentri għall-ittestjar ġodda. Dwar l-infurzar tal-ilbies tal-maskri fil-pubbliku, spjegat li s’issa saru 742 spezzjoni u tħarku 109 persuni.
Waqt li kienet qed twieġeb id-domandi tal-ġurnalisti l-Professur Gauci ikkonfermat li Malta kienet parti mill-ftehim li ntlaħaq fl-aħħar sigħat bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-kumpanija ta-farmaċewtika AstraZeneca dwar ix-xiri ta’ vaċċin għal kontra l-virus.
Hawnhekk appellat biex il-pubbliku joqgħod biss fuq iċ-ċifri li jinħarġu mill-awtoritajiet tas-saħħa u mhux informazzjoni oħra li jista’ jkun tkun qed tiċċirkola. Hija temmet tispjega li l-awtoritajiet tas-saħħa wegħdu trasparenza sa mill-bidu nett tal-pandemija, u dan il-prinċipju baqa’ jinżamm.