37 persuna oħra fiequ mill-Coronavirus u feġġew 19 -il każ ġdid minn fost 1,869 swab test. Biex b’hekk it-total ta’ każijiet attivi issa niżel għal 406.
Dan ifisser li mit-testijiet li saru tul dawn l-aħħar 24 siegħa, 1850 irriżultaw fin-negattiv iġifieri kważi 99% tat-testijiet. Filwaqt li ftit aktar minn 1% tat-testijiet irriżultaw fil-pożittiv.
Dan ħareġ fl-aġġornament mediku ta’ kull ġimgħa, fejn is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika l-Professur Charmaine Gauci qalet li il-maġġorparti tal-każijiet huma relatati ma’ familji jew fil-postijiet tax-xogħol, filwaqt li huma ftit il-każijiet li jinsabu jieħdu l-kura fl-isptarijet. Fost dawn hemm anzjan li jinsab f’qagħda mhux stabbli u qed jinżamm fit-Taqsima tal-Infezzjonijiet fl-Isptar Mater Dei.
Fi Sptar Boffa bħalissa hemm 6 pazjenti pożittivi għall-COVID, f’Saint Thomas hemm 14-il każ, fit-Taqsima tal-Kura Intensiva hemm każ wieħed, fi swali oħra f’Mater Dei hemm 2każijiet u 8 każijiet pożittivi f’Monte Karmeli.
Fil-konferenza ħareġ li l-maġġoranza tal-etajiet tal-każijiet pożittivi huma ta’ bejn ħmistax-il sena u erbgħa u ħamsin sena, fejn rajna nuqqas ta’ każijiet pożittivi li jinvolvu lill-anzjani.
Il-Professur Gauci saħqet, “Qed naraw li qed ikollna wkoll każijiet li mhuxmiex predominanti n-numru ta’ każijiet fl-anzjani. Però huwa dejjem importanti li nibqgħu insewgu din is-sitwazzjoni u nibqgħu wkoll nipproteġu lin-nies li huma vulnerabbli speċjalment l-anzjani.”
Il-Professur Gauci qalet li f’Għawdex bħalissa hemm 11-il każ biss ta’ persuni infettati u li ta’ kuljum qed isiru madwar 150 test fiċ-Ċentru ta’ ttestjar li hemm fix-Xewkija.
Il-Professur Gauci fakkret ukoll li min-nofsillejl tal-lejla l-Bulgarija ser tkun qed titneħħa minn fuq il-lista oranġjo ta’ pajjiżi. S’issa f’din il-lista baqa’ biss ir-Rumanija, Spanja, ir-Repubblika Ċeka u t-Tuneżija.
Finalment il-Professur Gauci għal darb’oħra appellat lill-pubbliku fuq id-distanza soċjali, l-użu tal-maskri kif ukoll li ż-żamma tal-iġjene.
https://www.one.com.mt/2020/09/04/dirett-is-supretendent-tas-sahha-pubblika-taghti-dettalji-brabta-mal-imxija-1-3/