Fl-aħħar sigħat, 36 persuna oħra fiequ mill-COVID-19, waqt li feġġew 122 każ minn fost 2882 test. B’dan ifisser li 95.8% tat-testijiet li saru ġew negattivi u 4.2% ġew pożittivi.
Dan intqal fl-aġġornament ta’ kull nhar ta’ Ġimgħa dwar is-sitwazzjoni tal-imxija f’pajjiżna mis-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci.
Fit-Taqsima tal-Kura Intensiva fl-Isptar Mater Dei hemm sitt persuni, fit-Taqsima tal-Infezzjonijiet hemm tnax-il persuna, fi swali oħra f’Mater Dei attrezzati għall-Coronavirus hemm erbatax-il persuna, fl-Isptar ta’ Boffa hemm erbatax-il persuna, fl-isptar privat ta’ St. Thomas hemm dsatax-il persuna, fl-Isptar Karin Grech hemm persuna waħda, fl-Isptar Monte Karmeli hemm persuna waħda, u fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex hemm persuna waħda.
Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika spjegat li fl-aħħar ġimgħa kien hemm 165 każ li kienu membri tal-familja tal-persuni nfettati. Hawnhekk ġibdet l-attenzjoni biex meta jkun hemm każ pożittiv, dik il-persuna flimkien mal-membri tal-familja tagħha jmorru mal-ewwel f’iżolament.
40 każ ieħor fl-aħħar ġranet kienu minn fuq il-post tax-xogħol. Il-Professur Gauci enfasizzat biex fuq il-postijiet tax-xogħol jittieħdu l-miżuri kollha biex inaqqsu l-firxa kemm jista’ jkun. F’każ ta’ uffiċċju, importanti li l-impjegati jkollhom distanza bejniethom, jintlibsu l-maskri u jaħdmu mid-dar fejn possibbli.
Fost il-każijiet l-oħra, kien hemm numru li feġġew minn ġemgħat ta’ nies u minn sport bħall-futbol għaliex jinkludi kuntatt bejn il-persuni.
Il-każijiet attivi bħalissa f’Għawdex huma 18.
Il-Professur Gauci qalet ukoll li l-età medja ta’ każijiet pożittivi din il-ġimgħa hija ta’ 38, għaliex ħafna mill-każijiet li feġġew fl-aħħar jiem kienu nies ta’ bejn 25 sena u 34 sena, li hija xi ħaġa pożittiva għaliex din hija faxxa ta’ nies li mhumhiex meqjusa vulnerabbli.
Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika fakkret fl-użu obbligatorju tal-maskri f’ċertu postijiet li jġorr miegħu multa, u ingħaqdet mal-pariri tal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa li dawn jintlibsu kullimkien għaliex l-evidenza turi li huma kruċjali biex inaqqsu l-firxa tal-virus.
Dwar l-app, COVID Alert Malta, il-Professur Gauci qalet li sa issa kien hemm 74,318 persuna li niżżluha fuq il-mobile tagħhom, li jfisser li 15.4% tal-popolazzjoni għandha din l-applikazzjoni. In-numru ta’ persuni pożittivi li użaw din l-app kienu 78.