Fl-aħħar 24 siegħa fiequ tletin persuna oħra mill-Covid-19 filwaqt li ġew irreġistrati 43 każ ġdid minn fost elfejn u erbgħa u disgħin test.
Dan ifisser li tmienja u disgħin fil-mija tat-testijiet li saru ġew negattivi.
F’aġġornament mediku ta’ kull ġimgħa, is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci qalet li bħalissa ħafna mill-persuni pożittivi għall-virus qegħdin jiġu rikoverati d-dar tagħhom stess.
Dan filwaqt li tmien persuni qegħdin fit-Taqsima għall-Mard Infettiv u erbgħa oħra qed ikunu rikoverati fi swali oħra fl-isptar Mater Dei.
Hemm persuna li tinsab rikoverata fit-Taqsima għall-Kura Intensiva iżda tinsab f’qagħda stabbli.
Dan l-istazzjon staqsa lil Professur Gauci għar-reazzjoni tagħha dwar rapport tal-BBC li spjega kif huwa maħsub li t-testijiet jista’ jkunu qegħdin jimmarkaw pożittiv meta jsib traċċi tal-virus li huma mejta. B’hekk iwassal biex mhux kull persuna li tinstab pożittiva għall-virus tkun infettata u tista’ xxerdu. Dwar dan, il-Professur Charmaine Gauci spjegat kif l-ittestjar jimmarka pożittiv meta jkun hemm preżenti traċċi tal-virus.
Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika spjegat: “Propju, ma tistax tiddentifika persuna jekk għandux ħafna jew inkella għandux ftit minn dawn il-partiċelli tal-virus. Ir-riżultat ħa joħroġ, infatti n-nies jgħidu jkunu negative jew positive, aħna ngħidu ‘detected’ jew inkella ‘not detected’ u propju dak ikun qed jindika jekk il-persuna jkollux għallinqas xi ftit minn dan il-virus. Għaddejja riċerka fuqha bħalissa però m’hemm xejn li huwa definit.”
Hija stqarret li f’Malta kull persuna li t-test isib li għandha preżenza tal-virus qed tinżamm fi kwarantina u tkun meqjusa li hija marida bil-virus u li potenzjalment tista’ ixxerdu.
Tkellmet fuq l-ilbies tal-maskri u kif dan jippreveni t-tixrid tal-virus hekk kif is-sitwazzjoni tal-imxija f’pajjiżna hija waħda stabbli.