Fl-aħħar sigħat fiequ 154 persuna oħra mill-Coronavirus f’pajjiżna u feġġew 60 każ minn fost 2,637 test.
Dan ifisser li 97.7% tat-testijiet li saru ġew negattivi, u 2.3% ġew pożittivi.
Sa issa, fiċ-ċentri ta’ ttestjar f’pajjiżna, saru 475,539 test.
Intant, żewġ anzjani mietu waqt li kienu pożittivi għall-Covid-19.
Fl-ewwel każ, anzjana ta’ 93 sena li kienet ikkonfermata pożittiva għall-Covid-19 fl-24 ta’ Novembru, mietet ilbieraħ fl-Isptar St Thomas.
Fit-tieni każ, anzjana ta’ 83 sena, li kienet ikkonfermata pożittiva għall-Covid-19 fl-24 ta’ Novembru, mietet ilbieraħ fil-Good Samaritan Long Term Facility.
Fi stqarrija l-Ministeru għas-Saħħa ta l-kondoljanzi lill-familjari tal-anzjani u appella biex anke f’dawn il-festi kulħadd jibqa’ viġilanti u jimxi mal-miżuri ta’ prevenzjoni.