Fl-aħħar sigħat, 138 persuna oħra fiequ mill-COVID-19 f’pajjiżna, filwaqt li feġġew 124 każ minn fost 3,043 test.
Dan ifisser li 96% tat-testijiet ġew negattivi, filwaqt li 4% tat-testijiet ġew pożittivi.
Sa issa, fiċ-ċentri ta’ ttestjar f’pajjiżna saru aktar minn 511,899 test.
Dan tħabbar mis-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci waqt l-aġġornament ta’ kull ġimgħa.
Qalet ukoll li feġġew tliet każijiet mill-varjant tal-Coronavirus li feġġ fir-Renju Unit. Dan kien ħabbru wkoll id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne fuq Twitter.
Dawn huma żewġ barranin li waslu f’pajjiżna fid-dsatax ta’ Diċembru u anzjana Maltija ta’ ħamsa u sebgħin sena, li qed tiġi investigata. Dawn kollha bħalissa jinsabu f’izolament.
Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika fakkret li twaqqfu titjiriet lejn u minn ir-Renju Unit, u dawk li jaslu qed jittieħdilhom test u jitpoġġew fi kwarantina mandatorja.
Waqt l-istess aġġornament, il-Professur Gauci ħabbret kif il-barijiet u l-każini se jibqgħu magħluqa sal-ewwel ta’ Frar.
Il-Professur Gauci qalet, “Bars u każini se jibqgħu magħluqin. Infatti aħna propju llum se jkun ippublikat l-avviż legali, fejn l-avviż legali se jkun imgedded sal-1 ta’ Frar u allura kemm il-każini u kemm il-barijiet se jibqgħu magħluqin.”
Fost il-każijiet pożittivi tul din il-ġimgħa kien hemm ukoll tmien anzjani li rriżultaw fil-pożittiv wara li attendew tombla u ikla flimkien għaż-żminijiet tal-festi. Kollha jinsabu f’qagħda stabbli. Fl-istess ħin sebgħin anzjan ieħor kellhom joqgħodu kwarantina wara li attendew l-istess attività.
Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika tenniet, “Nerġa’ nappella lill-pubbliku, bħalissa mhux żmien li nagħmlu dawn l-ikliet, speċjalment fejn ninvolvu lill-anzjani għax hemmhekk inkunu qed inpoġġuhom f’riskju.”
F’dan l-ewwel aġġornament minn wara li tlaqqmet l-ewwel persuna f’pajjiżna kontra l-COVID-19 nhar il-Ħadd li għadda, is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika qalet kif dan il-vaċċin jaħdem kontra l-varjant tal-Coronavirus.
Il-Professur Gauci spjegat, “Fuq il-varjant nafu li dan m’ilux ħafna magħna. Pero bħal ma għedna, l-impatt ta’ dan il-varjant li sabu huwa għandu impatt fuq it-trażmissjoni. Sa issa għadhom ma sabu l-ebda impatt, la fuq kemm jista’ jkun aktar qawwi, jiġifieri aktar kemm ikun sever aktar dan il-virus u anqas sa issa ma sabu l-ebda impatt fuq dawn il-vaccines li għandna bħalissa preżenti.”
ARA WKOLL:
https://www.one.com.mt/2020/12/30/irregistrati-fmalta-kazijiet-tal-varjant-ghall-covid-19-studji-juru-li-t-tilqima-tahdem-ukoll-kontra-l-varjant/