Fl-aħħar sigħat, fiequ 134 persuna oħra mill-Coronavirus f’pajjiżna u feġġew 57 każ minn fost 3,237 test.
Dan ifisser li 98.3% tat-testijiet li saru ġew negattivi u 1.7% ġew pożittivi. Sa issa fiċ-ċentri ta’ ttestjar f’pajjiżna saru 627,607 test.
Fl-istess waqt, mindu beda jingħata l-vaċċin kontra l-COVID-19 f’Malta, ingħataw 33,477 tilqima.
Minnhom, 6,457 persuna ħadu t-tieni doża.
Intant, fl-aħħar 24 siegħa mietu erba’ anzjani li kienu pożittivi għall-Covid-19. Tliet anzjani rġiel ta’ 84, 91 u 92 sena li mietu fl-isptar Mater Dei u anzjan ta’ 85 sena li miet f’San Vinċenz de Paul.
Fil-bullettin mediku ta’ kull ġimgħa, il-Professur Gauci qalet li s’issa tlaqqmu l-maġġoranza ta’ nies li kellhom jitlaqqmu fl-ewwel grupp li kien jinkludu numru ta’ ħaddiema li jaħdmu f’postijiet kliniċi u anzjani.
Hi qalet li issa mxejna għat-tieni grupp li digá bdew jitlaqqmu hekk kif għandna 10 ċentri tas-saħħa u 20 berġa biex ikun hemm firxa wiesgħa bil-għan li jitlaqqmu kemm jista’ jkun nies.
Ilbieraħ beda wkoll il-proċess ta’ tilqim fuq frontliners li mhumiex kliniċi fosthom l-armata, pulizija u l-protezzjoni ċivili.
Bħalissa hemm ukoll preparamenti biex nidħlu fil-grupp li jmiss biex b’hekk nibdew ninżlu fl-etajiet.
Il-Professur Gauci stqarret li kellna tnaqqis sostanzjali fin-numru ta’ każijiet tul dawn l-aħħar jiem u għaldaqstant meta nħarsu lejn l-ammont ta’ każijiet pożittivi, il-peak li kellna tul dawn l-aħħar xhur beda nieżel ‘l isfel bil-mod il-mod.
Hi qalet ukoll li r-rati ta’ mortalità naqsu wkoll iżda xorta waħda appellat lil kull min għandu xi sintomi biex jittestjaw lilhom infushom.