Fl-aħħar sigħat, mija u tnejn u tletin persuna oħra fiequ mill-COVID-19 f’pajjiżna, u feġġew sitta u disgħin każ minn tlett elef u disgħa u erbgħin test.
Dan ifisser li kważi sebgħa u disgħin fil-mija tat-testijiet ġew negattivi, u tlieta punt wieħed fil-mija ġew pożittivi.
Fil-bulettin mediku ta’ kull nhar ta’ Ġimgħa, is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika l-Professur Charmaine Gauci qalet kif l-Unjoni Ewropea ffirmat sitt ftehimiet ma’ kumpaniji li qed jipproduċu l-vaċċin kontra l-Coronavirus.
Spjegat kif, “Aħna wkoll Malta se jkollna strateġija biex aħna jkollna kemm fejn dawn se jinżammu, sakemm inti tkun qiegħed tqassamhom, ukoll il-mod ta’ strateġija kif se jkunu qed jinqassmu, kif ukoll id-database biex inti jkollok ukoll ir-rendikont ta’ lil min inti tajt il-vaccines u anke la darba nafu li hemm il-vaccines li ħa jkollhom bżonn żewġ dożi, biex inti terġa’ ssejjaħ il-persuni għat-tieni doża.”
Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika qalet kif meta mqabbel ma’ pajjiżi oħra fl-Ewropa, skont iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard, l-ECDC, pajjiżna għandu rata baxxa ta’ mwiet, ta’ sebgħa punt ħamsa għal kull mitt elf persuna. L-ogħla rata tinsab fil-Liechtenstein, ta’ sitta u għoxrin għal kull mitt elf persuna.
Il-Professur Gauci qalet kif żdied l-ittestjar tan-nies li jaslu minn barra l-pajjiż. Din il-ġimgħa saru aktar minn tmien mitt test fl-ajruport, u ħamsa biss ħarġu pożittivi.
Innotat li l-miżuri ta’ prekawzjonijiet li qed jittieħdu minħabba l-COVID-19 qed jirriżultaw ukoll f’inqas każijiet ta’ influwenza.
Il-Professur Gauci appellat biex fi żmien il-festi, ma jinġabrux ġemgħat kbar.