Fl-aħħar sigħat fiequ għaxar persuni oħra mill-Covid-19 u feġġ każ minn fost elfejn u sbatax-il test.
Bil-każijiet attivi issa niżlu għal 180 każ.
Sa issa fiċ-ċentri tal-ittestjar f’pajjiżna saru aktar minn tmien mija tlieta u disgħin elf test.
Mindu beda jingħata l-vaċċin kontra l-Covid-19, ingħataw erba’ mija u sitt elef, disa’ mija wieħed u għoxrin doża. Minnhom, mitejn sitta u sebgħin elf u wieħed u erbgħin persuna ħadu l-ewwel doża, filwaqt li mija tlieta u tletin elf, tliet mija tnejn u tletin persuna huma kompletament imlaqqma kontra l-Covid-19.
Intant, fl-aħħar erbgħa u għoxrin siegħa ma kienu rrappurtati l-ebda mwiet b’rabta mal-Covid-19, għas-seba’ jum konsekuttiv.
Dan kollu ntqal fil-bullettin mediku ta’ kull nhar ta’ Ġimgħa mis-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci.
Il-Professur Gauci qalet kif għat-tieni ġimgħa konsekuttiva ma nstab l-ebda każ pożittiv fid-djar tal-anzjani.
Qalet, “Aħbar oħra sabiħa għandna llum, li qegħdin naraw li għat-tien ġimgħa konsekuttiva wkoll ma kellna l-ebda każijiet pożittivi mid-djar tal-anzjani u hekk ukoll it-tilqim mill-bidu mill-bidu ngħata prijorità mid-djar tal-anzjani u pproteġinihom, bqajna għaddejjin bil-infection control measures u anke bil-mod il-mod bdejna nirrilaxxaw il-miżuri u r-riżultat huwa ċar ħafna fejn reġa’ ma kellniex aktar każijiet pożittivi f’dawn id-djar.”
Il-Professur Gauci qalet dan kollu fil-kuntest li n-nies ilhom aktar minn xahar iżuru l-anzjani wiċċ imb wiċċ mingħajr il-ħtieġa ta’ perspex iżda skont protokolli oħra.
Mit-Tnejn li ġej, iż-żjarat fid-djar tal-anzjani se jitilgħu għal tliet darbiet fil-ġimgħa.
Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika fakkret kif mit-Tnejn li ġej ir-reġistrazzjoni għat-tilqim se tkun miftuħa wkoll għal dawk li għandhom ‘il fuq minn 16-il sena.
Il-Professur Gauci qalet kif iż-żgħażagħ li għandhom sittax u sbatax-il sena se jkunu qed jingħataw it-tilqima tal-Pfizer u Moderna.
Dwar iċ-ċertifikat tal-vaċċin, is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika qalet kif dan ser jinħareġ erbatax-il jum wara li persuna tkun tlaqqment kompletament kontra l-virus jew inkella persuni li ħadu test negattiv eżatt qabel ma jsiefru.