Quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello, mara ta’ 44 sena mill-Mosta tressqet mixlija li għaddiet mal-€110,000 mill-kont tal-bank ta’ min kien iħaddimha għal ġo kontijiet ta’ nies mhux magħrufa. Hija wieġbet li mhux ħatja. L-akkużata kienet impjegata ma’ kumpanija tal-accounts. Hija sostniet li allegatament kienet vittma ta’ romance fraud fuq l-internet.
L-investigazzjonijiet fuq dan il-każ bdew wara li f’Marzu 2022 sar rapport fl-għassa tal-Mosta. Jum wara r-rapport, l-akkużata marret l-għassa u qalet li kienet għaddiet il-flus wara li kienet mhedda fuq l-internet.
Meta ffaċċjata mill-impjegatur, hija qalet li kienet bdiet relazzjoni ma’ raġel fuq l-internet, li kien heddidha biex tibgħatlu ammonti ta’ flus. Il-flus saħansitra ġew intraċċati mill-Pulizija. Il-flus għaddew minn kont għal-ieħor bejn April tal-2021 u Jannar 2022.
Il-mara kienet ħolqot kontijiet finti biex taħbi t-tranżazzjonijiet li għamlet, b’tali mod li turi li saru lil kumpaniji, li jaħdmu mal-istess kumpanija.