Is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akkwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali, Alicia Bugeja Said, indirizzat konferenza bit-titlu ‘Ninvestu fis-Sajjieda’ fejn tkellmet dwar l-investiment li wettaq il-Gvern f’dawn l-aħħar sentejn b’diversi skemi u għajnuniet finanzjarji lis-sajjieda.
Ġew estiżi dawn l-iskemi li jagħtu wkoll nifs kbir lis-sajjieda lokali mix-xiri tal-fuel, waqt li se jkomplu jingħataw aktar benefiċċji biex anke jsir restawr tad-dgħajjes tradizzjonali, li jirrikjedu diversi spejjeż ta’ muntenzjoni minn dawk tal-fibre.
Anke għal din l-iskema, ’il fuq minn 140 sajjied diġà bbenefikaw fejn ingħataw fondi biex ikopru l-ispejjeż li jkun hemm bżonn isiru fuq l-opri tas-sajd tagħhom.
Id-Direttur għas-Sajd, Gilbert Balzan, tkellem dwar l-importanza li jitniedew skemi bħal dawn biex jiffaċilitaw l-operat tas-sajjieda lokali, b’dan kollu jwassal biex finalment ikun ta’ benefiċċju għaċ-ċittadin li jgawdi minn prezzijiet raġjonevoli tal-ħut frisk lokali.
“Dan hu importanti, għax is-sajjied almenu jżomm l-ispejjeż minimi milli jkun qed iġarrab waqt is-sajd tiegħu. Skemi oħrajn li hemm fuq ir-restawr hu importanti, għalhekk aħna dejjem noħorġuhom u dejjem nibqgħu napplikawhom biex b’hekk aħna nibqgħu nnaqqsu l-ispejjeż lis-sajjied.”
Is-Segretarju Parlamentari Bugeja Said spjegat kif il-Gvern, anke waqt pandemija, ra kif jgħin direttament lis-sajjieda ħalli jtaffi l-piżijiet tagħhom u jżomm il-prezzijiet tal-ħut lokali stabbli, b’mod partikolari bl-iskema tal-fuel, kif ukoll bl-iskema tar-restawr tad-dgħajjes tal-injam.
Qalet kif, anke bħala Gvern, qed jitkompla jingħata aktar sostenn lis-sajjieda lokali b’investiment dirett li jtaffi ftit mill-ispejjeż li jkollhom. Sostniet kif, fl-aħħar sentejn biss, ġew mgħejjuna aktar minn mitejn sajjied b’investiment dirett ta’ miljun u tmin mitt elf ewro.
Hekk kif, wara li faqqgħu l-gwerer riċenti u bdew jogħlew b’mod mgħaġġel l-affarijiet importati, speċjalment il-fuel, is-sajjieda bdew isibuha diffiċli ħafna biex ilaħħqu mal-ispejjeż, b’deċiżjoni importanti li riedet tittieħed dwar jekk jiżdidux il-prezzijiet tal-ħut jew le.
Kien għalhekk li l-Gvern daħal għal dawn l-ispejjeż u ta’ għajnuna lis-sajjieda lokali, bl-allokazzjoni lil kull sajjied tiżdied minn €75,000 għal €100,000.
Minbarra dawn is-sussidji, ittejbet ukoll l-infrastruttura b’installazzjoni ta’ diversi pillars tad-dawl u ilma f’diversi portijiet madwar il-pajjiż kollu.
Is-Segretarju Parlamentari responsabbli mis-sajd tenniet l-impenn tal-Gvern li jkompli jinċentiva lis-sajjieda lokali b’diversi miżuri oħrajn, li se jitħabbru fil-ġimgħat li ġejjin, fosthom l-iskema għal għajnuna finanzjarja mmirata għal sajjieda żgħażagħ, Young Fishers’ Scheme.
“Investejna €1.8 miljun f’għajnuna ta’ fuel u għajnuna oħra ta’ restoration tad-dgħajjes lokali. Dan aħna nagħmluh biex inkomplu ngħinu lis-sajjieda tagħna. Nafu kemm jagħmlu sagrifiċċji biex proprju jwasslu ħut frisk u lokali fuq il-platt taċ-ċittadin Malti. Għaldaqstant dan il-Gvern se jkompli jinvesti fis-sajjied biex dan is-settur jibqa’ wieħed sostenibbli u proprju anke nkomplu nattiraw aktar żgħażagħ lejh.”